Il-Kabinett tas-Sigurtà Iżraeljan qed jiltaqa’ biex jiddeċiedi jekk jordnax l-okkupazzjoni sħiħa u assoluta ta’ Gaza mill-militar tiegħu….Pass potenzjali li n-Nazzjonijiet Uniti fissritu bħala ‘aġir li bilfors irid iħalli l-konsegwenzi katastrofiċi’.
Il-media f’Iżrael qalet li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu, iqis l-okkupazzjoni totali ta’ Gaza bħala l-uniku mezz li jwassal għall-eliminazzjoni tal-Ħamas bħala grupp terroristiku.
Fl-istess ħin, pass drastiku bħal dan hu intiż għall-ħelsien tal-aħħar ostaġġi Iżraeljani li għadhom miżmuma mill-Ħamas u wara li ma waslet imkien l-aħħar fażi ta’ taħditiet għal waqfien mill-ġlied fl-artijiet ta’ Gaza.
Intant, hu wkoll rappurtat li l-Kap tal-militar Iżraeljan u xi Ministri fil-Kabinett ta’ Netanyahu ma jaqblux mal-okkupazzjoni sħiħa ta’ Gaza…Dan fost it-twissijiet li pass bħal dan iħalli ‘ir-riżultati traġiċi’ għall-ostaġġi kif ukoll għall-poplu ċivili tal-Palestinjani.
Min-naħa tiegħu, Miroslav Jenča, wieħed mill-uffiċjali għoljin tan-Nazzjonijiet Uniti, enfasizza li okkupazzjoni fuq din l-iskala tmur direttament kontra l-liġi internazzjonali waqt li fisser il-pjan tal-Iżraeljani bħala ‘prospett mill-aktar allarmanti’.
//= $special ?>