Raġel ta’ 29 sena mill-Indja, Fazil Chembayil, li joqgħod Raħal Ġdid, inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ traffikar ta’ ħaddiema barranin lejn Malta, u akkużi oħra serji relatati mal-użu ħażin ta’ sistemi kompjuterizzati u dikjarazzjonijiet foloz skont l-Att dwar l-Immigrazzjoni.
Il-każ beda b’ilment minn ċertu Brian Camilleri, li qal lill-Pulizija li xi ħadd kien daħal b’mod mhux awtorizzat fis-sistema Identità bl-użu tal-kredenzjali tal-e-ID tiegħu. L-investigazzjonijiet wasslu biex ġie identifikat Chembayil bħala l-persuna li allegatament użat dawn il-kredenzjali biex jippreżenta aktar minn 52 applikazzjoni għal permessi ta’ xogħol taħt l-isem ta’ kumpaniji li jappartjenu lil Camilleri – kollha mingħajr l-għarfien jew l-awtorizzazzjoni tiegħu.
L-Ispettur Marcus Cachia spjega li permezz tal-indirizzi IP użati biex jidħol fis-sistema Identità, il-Pulizija rnexxielha tidentifika lil Chembayil bħala s-suspettat. Huwa ġie arrestat fis-6 ta’ Awwissu. Fil-Qorti, l-Avukat tad-difiża Jacob Magri talab għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni – immexxija mill-Ispettur Karl Roberts – oġġezzjonat bil-qawwa.
Roberts sostna li r-residenza ta’ Chembayil f’Malta hija marbuta max-xogħol, iżda huwa kien qed jaħdem illegalment ma’ kumpanija oħra li m’għandux permess magħha, filwaqt li jinsab irreġistrat ma’ kumpanija oħra.
L-Ispettur iddeskriva lill-akkużat bħala “immigrant projbit” u spjega li, minħabba l-proċeduri kriminali pendenti, ma jistax jinżamm fid-Detention Centre minħabba li mhemmx prospett ta’ rimpatrijazzjoni sakemm il-proċess ma jtemmx.
Żied jgħid li l-uniku mod kif dan jista’ jiġi indirizzat hu li jingħata permess ta’ residenza temporanju, iżda dan jibgħat messaġġ ħażin – jiġifieri li wieħed jista’ jikseb status regolari permezz tal-ksur tal-liġi. Roberts qal ukoll li Chembayil ilu jaħdem illegalment għal madwar erba’ xhur bħala sewwieq ta’ trakk, mingħajr liċenzja valida, u li Identità ma tistax tipproċessa l-applikazzjoni tiegħu għax jinsab illegalment Malta.
Huwa żied jgħid li wieħed mix-xhieda ewlenin fil-każ hu s-sieħeb ta’ kamra ta’ Chembayil, li jagħmilha diffiċli li ma jkunx hemm kuntatt bejniethom. Barra minn hekk hemm erba’ xhieda oħra, fosthom allegati vittmi, li għandhom jixhdu fil-proċess.
Min-naħa tiegħu, l-Avukat Magri qal li l-akkużat ilu jgħix Malta għal disa’ snin u għandu rekord kriminali nadif. Sostna li Chembayil kien impjegat u pprova jfittex xogħol ieħor, iżda flok biddel l-impieg tiegħu uffiċjalment ma’ Identità, ipprova jaħdem b’mod proviżorju ma’ kumpanija oħra qabel jissottometti d-dokumenti uffiċjali.
Il-Maġistrat Nadine Sant Lia ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, u l-akkużat baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv. L-Avukat Daniel Vancell mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali mexxa l-prosekuzzjoni assistit mill-Ispetturi Karl Roberts u Marcus Cachia. L-Avukat Jacob Magri deher għall-akkużat.
//= $special ?>