Id-Deputat Prim Ministru Ian Borg ħarab milli jwieġeb totalment dwar il-problemi li qed jaffaċċjaw iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li jgħixu biswit il-lokalitajiet turistiċi – partikolarment zoni bħal Tas-Sliema, San Ġiljan u s-Swieqi.
Meta affaċċjat bil-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Ian Borg kien mgħaġġel biex jitlaq mill-konferenza, fejn prova jevita għal kollox li jwieġeb.
Net News staqsa dwar il-kriżi li ħakment lokalitajiet bħas-Swieqi u l-madwar, li qed jaraw turisti jwettqu atti indiċenti fil-gallariji u fit-triq, storbju eċċessiv u vandaliżmu. B’Ian Borg jaħrab totalment milli jwieġeb.
U meta ppressat mill-midja sabiex jagħti soluzzjonijiet konkreti għal din il-kriżi, d-Deputat Prim Ministru għażel li jiżufjetta b’din il-kamra tal-aħbarijiet.
Ian Borg kien preżenti għall-avveniment li fih l-Assoċċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti, ippubblikat stħarriġ li juri kif fix-xhur ta’ April, Mejju u Ġunju ta’ din is-sena, il-lukandieri raw numri pożittivi. Jikkummenta, il-President tal-MHRA Tony Zahra.
Iżda Zahra semma’ wkoll kif l-istituzzjonijiet qed ifallu lin-negozji, hekk kif is-sitwazzjoni saret inkontrollabbli u għaldaqstant għandu jkun hawn aktar infurzar fit-toroq. Dan filwaqt li spjega li għandna nkunu viġilanti fil-konfront ta’ grupp żgħir ta’ turisti.

Minn naħa tiegħu, ix-Shadow Minister Mario de Marco spjega li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jinvesti f’turiżmu ta’ kwalità, b’investiment sħiħ fl-indafa, il-baħar u l-infrastruttura ta’ pajjiżna. Dan sabiex fl-aħħar mill-aħħar Malta tattira turisti li jonfqu aktar, u li jħallu aktar fl-ekonomija Maltija.
