Futbol Sport

Kurt Shaw se jilgħab ma’ Sorrento Calcio f’partita ta’ ħbiberija kontra Napoli

Kurt Shaw se jkun parti mill-iskwadra ta' Sorrento Calcio li nhar il-Ħadd li ġej se jilgħabu kontra Napoli ta' Antonio Conte.
Kurt Shaw se jkun parti mill-iskwadra ta' Sorrento Calcio li nhar il-Ħadd li ġej se jilgħabu kontra Napoli ta' Antonio Conte.

L-internazzjonali Malti li għadu lemm beda’ esperjenza ġdida fl-Italja ma’ Sorrento Calcio, fis-Serie C, Kurt Shaw nhar il-Ħadd li ġej se jkollu l-opportunitá jilgħab kontra ċ-champions Taljani, Napoli f’konfront ta’ ħbiberija.

Sorrento Calcio se jkunu qed jilgħabu f’Grupp C fl-istaġun 2025/26, u l-ewwel impenn tagħhom fil-Kampjonat Taljan hu skedat lejn l-aħħar t’Awwissu meta jibdew l-istaġun kontra Cavese fl-24 tax-xahar.

Qabel dak in-nhar, huma se jkunu qed jagħmlu d-debutt staġonali tagħhom fl-ewwel fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-Coppa Italia kontra Salernitana, nhar is-17 t’Awwissu. I Granata, li sa żewġ staġuni llu kienu għadhom jilgħabu fis-Serie A, dan l-istaġun se tkun qed tilgħab fl-istess diviżjoni u grupp ta’ Sorrento Calcio.

Attwalment, l-iskwadra taħt it-tmexxija teknika tal-kowċ il-ġdid, Mirko Conte qed tipprepara għal bidu ta’ staġun ġdid b’jiem ta’ taħriġ intensiv fir-reġjun tal-Campania, fil-Belt ta’ Agerola; lokalitá li tinsab madwar 35 km ‘il bogħod mix-Xlokk ta’ Napli.

S’issa, fl-ewwel partiti ta’ ħbiberija, Sorrento Calcio kienu konvinċenti b’numru ta’ rebħiet u b’riżultati kbar. Id-difensur internazzjonali Malti, Shaw għadu qed jipprova jirbaħ postu fit-tim il-ġdid ta’ Conte u min tliet partiti ta’ ħbiberija li Sorrento Calcio lagħbu s’issa, bħala parti minn preparazzjoni intensiva fil-bidu ta’ staġun, huma rebħu kull logħba. Shaw beda’ mal-ewwel ħdax f’logħba waħda minn tlieta.

Ir-raba’ u l-aħħar partita ta’ ħbiberija għal Sorrento Cacio f’dawn il-jiem intensi għal kull plejer fl-iskwadra, se tkun kontra ċ-champions Taljani, Napoli ta’ Antonio Conte.

Din il-logħba, fejn Shaw mistenni jkun qed jilgħab f’xi waqt tul id-90 minuta, se tintlagħab nhar il-Ħadd, fil-11am f’Stadio Patini di Castel di Sangro.

Interessanti ‘l fatt li fl-istess Kampjonat li se jkun qed jilgħab Shaw ma’ Sorrento Calcio dan l-istaġun, wieħed mit-timijiet avversarji fl-istess grupp, hemm il-klabb ta’ Team Altamura, li għadhom kemm ħatru bħala kowċ ġdid tagħhom, lill-eks kowċ nazzjonali Malti, Devis Mangia.

Fl-era ta’ dan il-kowċ Taljan, Shaw lagħab 17-il darba minn total ta’ 29 partita internazzjonali, li sal-lium id-difensur ċentrali eks Sliema Wanderers u Hibernians lagħab ma’ Malta.