Internazzjonali

L-Italja: Ikkonfermat il-proġett għall-pont bejn Sqallija u Kalabrija

Il-Gvern Taljan approva l-proġett – ekwivalenti għal kważi 14-il biljun ewro – għall-bini tal-itwal pont fid-dinja u li għandu jgħaqqad il-gżira ta’ Sqallija mar-reġjun ta’  Kalabrija.

Id-disinjaturi qed isostnu li l-pont – jew ‘suspension bridge’  —  se jkun jiflaħ jirreżisti anki għat-terremoti…Dan meta parti mill-art ta’ taħtu tinkludi wħud mill-aktar zoni magħrufin għall-attività siżmika fir-reġjun tal-Mediterran.

Hu minnu li, fil-passat, kien hemm diversi tentattivi biex jirrealizzaw il-proġett tal-Pont ta’ Messina iżda l-pjani spiċċaw xolti minħabba l-ispejjeż involuti u l-potenzjal ta’ ħsara lill-ambjent. Problema oħra kienet relatata mal-possibbiltà li l-gruppi tal-kriminalità organizzata jiggwadanjaw mill-istess proġett ambizzjuż.

Min-naħa tagħha, il-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni, qalet, issa, li l-proġett tal-pont attwali mhux se jkun xi wieħed faċli — madankollu hi tinsb konvinta li l-pont għandu jkun ‘investiment fil-preżent u l-futur ta’ pajjiżha’.

Skont il-proġett finali, il-pont li  jaqsam minn fuq ir-rotta tal-baħar ta’ Messina se jkun twil talanqas 3.3 kilometri u għandu jinkludi wkoll żewġ binarji għall-ferroviji fin-nofs tal-istruttura, flimkien ma’ tlett rotot għat-traffiku, mal-ġnub tal-binarji.