Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump u l-President tar-Russja, Vladimir Putin, qablu li jiltaqgħu għal taħditiet ‘matul il-jiem li ġejjin’.
Dan ikkonfermawh il-kelliema għall-Kremlin (f’Moska) u wara li Trump irrefera għal ‘ċans kbir’ li hu jiltaqa’ personalment mal-Mexxej Russu, kif ukoll mal-President Ukren, Volodymyr Zelensky…Laqgħat li fi kliemu għandhom isiru fl-inqas żmien possibbli u fejn mistenni li l-protagonisti jiddiskutu t-tmiem għall-gwerra tal-Ukrajna.
Il-President Zelensky, indika l-appoġġ tiegħu għal din l-idea waqt li Putin tenna li ‘mhux kontra’ li ssir laqgħa bejnu u Zelensky għalkemm, fl-istess ħin, saħaq li ‘ħaġa bħal din hi ‘il bogħod milli tkun irrealizzata’.
Sadanittant, għada, il-Ġimgħa, jiskadi d-deadline ta’ Trump biex ir-Russja taqbel għal waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna. F’każ li l-Kremlin ikompli bil-konflitt, l-Istati Uniti lesta biex timponi sensiela ta’ sanzjonijiet addizzjonali għal Moska.
Kull tip ta’ laqgħa bejn Trump u Putin għandha ssegwi fażi preliminarja, nhar l-Erbgħa, fejn ir-Rappreżentant Speċjali Amerikan, Steve Witkoff, jiltaqa’ personalment mal-President tar-Russja.
Sadanittant, Putin qal li l-Emirati Għarab tista’ tipprovdi s-sede għal-laqgħa tiegħu ma’ Trump u li kapaċi anki ssir fl-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla.
Fir-rigward ta’ Zelensky, Putin qal li l-affarijiet huma aktar ikkumplikati għaliex ‘għadhom ferm ‘il bogħod milli jiffissaw il-kundizzjonijiet li jippermettu għal laqgħa potenzjali wiċċ-imb-wiċċ’.
//= $special ?>