Lokali Qorti

Libertà kundizzjonata għal Brażiljan li ammetta li ħebb għas-sieħba tiegħu waqt btala f’Malta

Turist Brażiljan ġie liberat bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien tliet snin wara li ammetta li ħebb għall-partner tiegħu waqt argument waqt btala f’Malta. Jorge Kfouri Jr tressaq il-Qorti taħt arrest il-Ħamis, akkużat li ta daqqa f’żaqqu lill-partner tiegħu waqt li kienu qegħdin f’lukanda.

L-inċident ġie rrappurtat minn impjegat tal-lukanda li nduna bl-argument bejn il-koppja u ċempel lill-Pulizija. Meta marru fuq il-post, il-mara spjegat lill-Pulizija li Kfouri kien taha daqqa ta’ sieq fil-kustilji. Il-mara qalet ukoll li l-akkużat kien “persuna perikoluża ħafna fil-Brażil”.

Skont l-investigazzjoni, il-ġrieħi li sofriet kienu klassifikati bħala ħfief. Kfouri ġie arrestat mill-Pulizija fl-istess lukanda u ttieħed għal stħarriġ. Il-koppja kienet mistennija titlaq lura lejn il-Brażi nhar is-Sibt, 9 t’Awwissu.

Fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, Kfouri ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, fosthom li kkawża biża’ ta’ vjolenza, li kkawża ġrieħi ħfief u li insulenta lill-partner tiegħu. Waqt is-seduta, l-Ispettur Antonello Magri spjega li l-akkużat kien kollaborattiv mal-Pulizija u kien se jitlaq minn Malta fi żmien qasir.

Għaldaqstant, il-prosekuzzjoni talbet sentenza libertà kundizzjonata flimkien ma’ ordni ta’ trażżin għall-massimu taż-żmien previst mil-liġi. Il-Qorti laqgħet it-talba. Barra minn hekk, ġiet imposta ordni ta’ trażżin ta’ tliet snin favur il-vittma. L-akkużat kien assistit mill-avukat Julia Micallef Stafrace.