Lokali

Lilek Marija : Kunċert mtella’ mis-Soċjetà Filarmonika Santa Marija tal-Mosta

Il-kunċert se jittella' nhar is-Sibt 9 ta' Awwissu

Il-Mostin qed jippreparaw sabiex propju ftit aktar minn ġimgħa oħra jiċċelebraw il-festa ta’ Santa Marija.

U għalhekk numru ta’ għaqdiet għaddejjin bl-aħħar preparamenti tagħhom sabiex jagħmlu din il-festa suċċess, fosthom is-Soċjetà Filarmonika Santa Marija tal-Mosta, li se tkun qed ittella’ kuċert mużikali u strumentali bl-isem ta’ ‘Lilek Marija’.

Il-kunċert li se jsir fid-9 ta’ Awwissu fid-9pm, fil-Pjazza tal-Mosta, qed isir parti mill-festi esterni tal-Assunta, bil-kunċert ifakkar id-39 sena mir-rifondazzjoni tal-Banda Santa Marija.

Dan il-kunċert huwa wieħed li jfakkar numru ta’ avventimenti oħra importanti, fosthom; 120 sena mit-twaqqif tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta, 75 sena mid-Domma tal-Assunzjoni, 50 sena mill-Inkurunazzjoni tal-Kwadru Titulari tal-Assunta u anke 25 sena mit-tqegħid tal-Istellarju tal-Kwadru Titulari.

Il-mużika għal dan il-kunċert hi waħda varjata, bit-tema Marjana tibqa’ dik prinċipali.

Minn selezzjoni mill-Oratorju ‘Il-Għid tal-Assunta’ sa selezzjoni mill-‘Għanja Mostija’, żewġ siltiet miktubin mis-Surmast Ray Sciberras.

Matul dan il-kunċert Marjan, se jkunu qed jingħaqdu wkoll numru ta’ kantanti fosthom Ludwig Galea, Cherise Spiteri, Rihanna Marie Caruana, Claire Caruana, Anita-Jane Sammut, Georg Zammit u James Agius. Magħhom ukoll il-Kor Marija Assunta mmexxi minn Bernard Bezzina.

F’dan il-kunċert ta’ okkażjoni se jkunu qegħdin jindaqqu wkoll l-innu ‘Sultana ta’ Qalbna’ u l-marċ ‘Lil Marija Assunta Inkurunata’ għall-ewwel darba, bil-kompożizzjoni tas-Surmast Wayne Bartolo. Bl-Assistent Surmast Rachela Farrugia se tkun qed tidderiġi silta oħra, bl-isem ta’ ‘Fl-Għanja Magħquda’ bil-kompożizzjoni ta’ Ray Sciberras.