Sport Sport Ieħor

Malta se tospita l-Kampjonati Ewropej tat-Table Football

Il-Kampjonati Ewropej tat-Table Football se jsiru f’pajjiiżna, fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop bejn l-20 u l-21 ta’ Settembru.

Fl-istess waqt, il-kumitat tal-MTFSA qed iħabbar l-ismijiet tal-plejers li se jirrappreżentaw lil Malta f’dawn il-Kampjonati pretiġjużi.

Malta se tkun qed tieħu sehem fl-avvenimenti tat-tim, f’kategorji vasti fosthom dawk tal-Open, Veterani u taħt is-16-il sena, apparti li bosta plejers se jkunu qed jieħdu sehem anke fil-kompetizzjoni individwali, fejn fosthom se jkun hemm anke żewġ plejers taħt l-20 sena.

It-tim tal-Open, immexxi mill-captain u għaxar darbiet Champion tal-Malta Premier League Samuel Bartolo, jinkludi lil Jean Tabone, Mark Gauci, George Ebejer, Derek Conti, Jamie Bonnici u Jurgen Balzan.

Samuel Bartolo, il-captain u għaxar darbiet champion ta’ Malta.

It-tim tal-Veterani se jkun immexxi mir-rebbieħ ta’ Tazza tad-Dinja tal-2018 Charles Aquilina, flimkien ma’ Massimo Cremona, Patrick Pace, Mario Camilleri, Adrian Bonnici, Joseph Mifsud, John Zammit u Jason Pisani.

Charles Aquilina rebaħ it-Tazza tad-Dinja fl-2018, u se jkun qed imexxi t-tim Malti tal-Veterani

It-tim tal-Under 16 se jkun taħt il-ħarsien u t-tmexxija ta’ George Ebejer, u jinkludi ż-żgħażagħ mimlija b’talent li huma Luke Xerri, Jayden Bonnici, Robert Farrugia Randon u Gabriel Ebejer. Barra minn hekk, Jeshua Bonnici u Thomas Ebejer se jirrappreżentaw lil Malta fil-kategorija individwali tal-Under 20.