Waħda mill-managers tal-finanzi fil-Kulleġġ tal-MCAST tressqet il-Qorti dalgħodu, akkużata bi frodi u miżapproprjazzjoni ta’ fondi fl-istess istituzzjoni.
Francine Farrugia, li hija kunsilliera tal-PN fis-Siġġiewi, tressqet quddiem il-Maġistrat Nadine Lia.
Farrugia, li għandha 31 sena, tokkupa wkoll il-kariga ta’ lecturer fl-MCAST.
Jidher li l-Pulizija qed jakkużawha bi frodi li kapaċi jammontaw għal €2.3 miljun.
L-akkużi qed jindikaw li b’dawn il-flus, hi xtrat proprjetà u anke karozzi. Dan appart li nefqet mal-€113,000 fl-istabbiliment lussuż Harrods ta’ Londra.
L-investigazzjoni dwar Farrugia bdiet f’Ġunju li għadda, u iffukat fuq pagamenti li għaddew għandha bejn Settembru 2023 u Mejju li għadda.
Meta l-Pulizija analizzaw il-bank accounts tagħha, innutaw trasferiment ta’ €422,000 fil-bank u €1.9 fir-Revolut.
Jirriżulta li fl-MCAST Francine Farrugia hija responsabbli mill-payroll, u kellha aċċess għall-pagi tal-impjegati u l-kontijiet tal-Kulleġġ.
AĠĠORNAMENT
Francine Farrugia ġiet arrestata fl-MCAST, waqt li l-Pulizija marret ukoll fir-residenza tagħha fejn sabu giżirajjen, handbags u nuċċalijiet tad-ditta. Bil-każ jiġi investigat f’temp ta’ xahrejn.
Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, Francine Farrugia wieġbet mhux ħatja għall-akkużi kollha.
Il-Prosekuzzjoni għamlet talba ta’ ordni ta’ friżar, anke biex Farrugia ma tiddisponix mill-flus, liema talba ġiet milqugħa mill-Maġistrat.
L-avukat Peter Fenech għamel talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona.
Wara li semgħet is-sottomissjonijet kollha, il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ ħelsien mill-arrestat.
//= $special ?>