minn Mark A. Sammut Sassi
Li hawn problema ta’ żamma tal-ordni fil-pajjiż hu ċar. Mhux biss mill-fatt li l-Ministru tal-Intern ħass il-bżonn li jġib aġenti tal-pulizija mill-Italja. Imma mill-atmosfera sħiħa li hawn fil-pajjiż.
Il-fehma tiegħi hi li waħda mis-soluzzjonijiet għal dil-problema hi żjieda konsidervoli fil-paga tal-aġenti tal-pulizija.
Rebus sħiħ
F’Malta hawn sitwazzjoni serja u gravi fiż-żamma tal-ordni. Barra mill-qtil u reati ta’ vjolenza kbira, hawn grad ta’ vjolenza fuq skala iżgħar li jiddomina l-ħajja ta’ kuljum. Nies kesħin li jsuqu kif jiftlilhom. Kuntratturi li jabbużaw mill-ġirien tal-proġetti li jkunu qed jaħdmu fuqhom. U ħafna ksur ieħor – ta’ ċokon u kobor differenti – li meta wieħed iqabbel lil Malta ma’ pajjiżi oħrajn tal-Ewropa tal-Punent, malajr jintebaħ li f’Malta l-preżenza tal-Istat hi ratba ħafna. Mhux dgħajfa, imma ratba. Xi darba rrid nikteb dwar id-differenza bejn “Stat dgħajjef” u “Stat artab”.
Dak li jkun jista’ jargumenta li dan li jien qed insejjaħlu rebus fil-verità mhu xejn għajr perċezzjoni. Din tal-perċezzjoni kienu qaluhielna xi żmien ilu dwar it-traffiku. U nafu x’perċezzjoni kienet!
Ma naħsibx li s-sitwazzjoni ħażina taż-żamma tal-ordni fil-pajjiż hi perċezzjoni. Naħseb li hi realta, u għandha problemi fuq diversi livelli, mhux bilfors marbutin ma’ xulxin.
Ngħidu aħna, it-taħlit bejn kulturi differenti mingħajr ma kien ippreparat ħadd għal soċjetà multikulturali. Dat-taħlit iwassal għal tkissir taż-żamma tal-ordni.
Ngħidu aħna, is-sewqan bl-addoċċ minn xufiera barranin tat-taksi, li wara sirna nafu li kien dovut ukoll għal ftehim biex il-multi tagħhom jgħaddu fuq it-turisti li jikru karozzi tal-kiri u għall-fatt li jġagħluhom jaħdmu għal xiftijiet twal u jkunu għajjenin.
Ngħidu aħna, it-turisti li jġibu ruħhom qishom annimali slavaġ li għadhom kif fetħulhom il-bieba tal-gaġġa fejn is-soltu jinżammu maqfulin.
Ngħidu aħna, dawn li jikkunsinnaw l-ikel li ġejjin minn pajjiżi fejn mhemmx rispett għall-ħajja, la tas-sewwieq u lanqas ta’ ħaddieħor.
Ngħidu aħna, l-abbuż sfrenat tal-persons of trust li jerġgħu jiddaħħlu fil-pożizzjoni li kienu jokkupaw jew f’xi pożizzjoni simili minkejja akkużi kriminali.
Il-lista twila.
Din mhix perċezzjoni. Din sitwazzjoni gravi – nistgħu nsejħulha rebus – li donnha tromba tal-arja li ħadd ma jista’ għaliha.
Il-pulizija
F’dar-rebus kbir, il-pulizija jħabbtu wiċċhom ma’ ħafna tipi ta’ xkiel biex iwettqu xogħolhom kif imiss.
It-tkabbir tal-jeddijiet tal-arrestati, priġunieri, akkużati, eċċ, – huwiex ħaġa tajba jew le jiddependi mill-punti di vista – jagħmilha diffiċli għall-pulizija li jaqdu dmirijiethom sew.
Għandek ukoll il-fenomenu ta’ nuqqas ta’ reklutaġġ. Il-pajjiż jeħtieġ aktar aġenti tal-pulizija milli għandu. Imma ma jsibx biżżejjed biex jimla l-postijiet battâla.
Hemm aktar fatturi. Fil-fehma tiegħi, iż-żjieda kbira ta’ barranin li m’għandhomx l-intenzjoni jfanndu għeruqhom f’Malta hi fattur importanti. Meta xi ħadd imur jaħdem f’pajjiż ieħor u jarah biss mod kif jaqla’ l-flus u mhux mod kif jintegra fil-komunità fejn mar jittanta xortih, dak ix-xi ħadd se jsibha aktar bi tqila li jobdi r-regoli, għax jekk jinqabad veru jitkeċċa imma fl-aħħar mill-aħħar xorta waħda xi darba jew oħra kien se jitlaq. La ma jkunx hemm l-intenzjoni tat-tfannid tal-għeruq, allura l-imġiba tkun imlewna minn dil-mentalità tal-għasfur tal-passa.
Il-pulizija allura qed isibu ruħhom ikollhom iħabbtu sidirhom ma’ dis-sitwazzjoni kumplessa u delikata fl-istess waqt. Mar-rebus li ħakem lill-pajjiż, li donnu sar kwartier vjolenti ta’ xi belt kbira.
Id-dwejjaq għalina ċ-ċittadini hu li rridu ngħixu f’dal-ambjent – tal-vjolenza tal-ibliet il-kbar – mingħajr ma ngawdu l-benefiċċji tal-ilbliet il-kbar, bħalma huma t-teatru, wirjiet artistiċi ta’ kwalità għolja ħafna, kunċerti, roħs fil-prezzijiet tal-ilbies u tal-ikel, bibljoteki ta’ livell internazzjonali, universitajiet u kulleġġi rinomati, u dawk l-aspetti kulturali u ekonomiċi kollha li jpattu għall-aspetti negattivi tal-ħajja fl-ibliet il-kbar.

Il-paga tal-pulizija
Il-pulizija fl-Ewropa ta’ Fuq u tal-Punent għandhom pagi aħjar mill-paga tal-pulizija Maltin. F’Marzu li għadda, tal-Euronews ippubblikaw tagħrif dwar il-pagi tal-pulizija.
Għall-irġiel il-pagi huma hekk:
Danimarka: €5761
Ġermanja: €4202
Lussemburgu: €4191
Belġju: €4116
Pajjiżi Baxxi: €3881
Irlanda: €3576
Franza: €3395
Fillandja: €3185
Awstrija: €3090
Italja: €2537
Slovenja: €2418
Spanja: €2271
Malta: €1804
U mbagħad hemm il-foqra, minn €1793 f’Ċipru sa €699 fil-Bulgarija.
€1804 f’Malta għall-irġiel. Għan-nisa, €1488 – differenza ta’ ftit aktar minn €300. Lanqas fil-Bulgarija – bl-agħar paga fl-Ewropa – ma hemm qabża tant kbira bejn l-irġiel u n-nisa. Fil-Bulgarija €699 għall-irġiel u €624 għan-nisa.
Jiġifieri hemm żewġ problemi.
Nibdew b’dik l-aktar ovvja. Għaliex in-nisa jitħallsu anqas mill-irġiel? Taħt dil-amministrazzjoni li l-ħin kollu tinnamra mal-abort biex nagħtu l-jeddijiet lin-nisa, lill-pulizija nisa nħallsuhom anqas mill-irġiel! Nistaqsi: Għaliex? Mela pulizija mara mhux l-istess numru ta’ sigħat taħdem? U mhux l-istess perikli tħabbat wiċċha magħhom? Jidhirli li l-pulizija nisa għandhom jitħallsu daqs l-irġiel.
U din mhix biss fost il-kuntistabbli. Tgħodd ukoll għall-ispetturi. F’Malta spettur mara titħallas €400 anqas minn spettur raġel! Għaliex did-diskriminazzjoni? Jidhirli li għall-istess doveri għandu jkun hemm l-istess paga.
Il-problema l-oħra hi li l-pagi ta’ kull rang f’Malta huma baxxi meta mqabblin mal-pajjiżi Ewropej ta’ Fuq u tal-Punent. Il-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa huma aktar stretti u jippruvaw ma jħallux taħlit kulturali. Malta qed timxi mal-mudell tal-Punent u tħalli t-taħlit kulturali. Li jġib tensjonijiet soċjali u bżonn ta’ aktar ħidma tal-pulizija. Imma mentri l-Ewropej tal-Punent lill-pulizija tagħhom iħallsu paga rispettabbli ħafna, Malta tridha ta’ pajjiż tal-Ewropa tal-Punent (u tippermetti t-taħlit kulturali) imma mbagħad xħiħa mal-pulizija u tħallashom bħalkieku f’pajjiż tal-Ewropa tal-Lvant.
Nistgħu, jekk irridu nġibu ruħna ta’ Pajjiż Ewropew tal-Punent, allura nħallsu bħal Pajjiż Ewropew tal-Punent?
Jidhirli li lill-Pulizija għandha tiżdidilhom il-paga. U n-nisa jitħallsu daqs l-irġiel.
U anki dwar il-pensjonijiet lill-pulizija jidhirli li għandha ssir riforma u dawk li poġġew ħajjithom f’riskju u dendlu kushom għall-ġid komuni jingħataw pensjoni suret in-nies li wkoll tiżdied skont l-għoli tal-ħajja, u li tippermettilhom jagħmlu xogħol barrani. Min jissogra ħajtu għal għajru jistħoqqlu kumpens aħjar minn dak li qed jingħata issa.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 7 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>