minn Louise Anne Pulis
Avukat Espert fid-Drittijiet Fundamentali u d-Demokratizzazzjoni
Dan immedjatament qajjem polemiċi kbar f’din l-aħħar ġimgħa, u battibekki kemm pubbliċi, fuq il-gazzetti u anke fuq il-mezzi soċjali, u bir-raġun.
Għal dnubieti ddeċidejt li naqrahom, u twaħħaxt. Kieku mhux għax dak propost imur dijametrikament kontra prinċipji demokratiċi u li jissalvagwardjaw it-tħaddin tas-Saltna tad-Dritt ngħid li dawn l-abbozzi huma ‘a classical comedy of errors’ jew traġi-kummiedja. Fi kliem il-Prim Ministru ‘non-starters’.
Il-Prim Ministru qal lill-attivisti li marru jipprotestaw quddiem il-Parlament nhar it-Tnejn, li ma kenux fehmu l-kontenut tal-abbozzi, imma jekk hemm xi ħadd li donnu ma fehemx huwa hu.
Il-President tal-Partit Laburista u anke wħud mill-membri tal-Grupp Parlamentari Laburista wkoll fehmuhom sew l-abbozzi, tant li ħarġu stqarrijiet li hemm bżonn ta’ konsultazzjoni qabel jiddaħħlu.
Il-punt tat-tluq huwa l-iskop li għalih teżisti l-Awtorità tal-Ippjanar
L-Awtorità tal-Ippjanar kienet ġiet stabbilità fl-1992 biex tirregola l-iżvilupp, u taċċerta li dak l-iżvilupp ikun wieħed sostenibbli, li jimxi skont il-policies u l-pjanijiet kemm lokali u dawk nazzjonali. Kienet maħluqa biex tindirizza l-ħtieġa ta’ trasparenza u tneħħi d-diskrezzjoni assoluta tal-Ministru. Kienet mezz ta’ delegazzjoni ta’ poter f’idejn Awtorità indipendenti li kellha tiddeċiedi dwar permessi skont il-Ligi, policies u pjanijiet lokali oggettivi
L-Abbozz 143
Dan l-abbozz huwa intiż biex jemenda l-Ligi Dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp.
F’Artiklu 2, il-Ministru deherlu li jestendi l-perjodu biex jiġu sanzjonati illegalitajiet ta’ kostruzzjoni bi ħdax-il sena u dan għaliex fejn preżentement strutturi jitqiesu sanzjonabbli jekk kienu eżistenti fl-1967, issa ser jibdew jitqiesu tali jekk kienu jeżistu fl-1978.
Fl-Artiklu 33 dwar id-dritt ta’ informazzjoni ta’ kull ċittadin, u allura l-obbligu li l-Awtorità tagħmel disponibbli għall-ispezzjoni tal-pubbliku l-parti tal-fajl li jkollha r-rapport tal-applikazzjoni dwar l-applikazzjonijiet kollha u kull rapport tal-ippjanar li għandhomx x’jaqsmu mal-istess applikazzjonijiet; id-deċiżjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-permessi tal-iżvilupp.
Dan flimkien mal-pjanti u dokumenti relattivi inkluż ir-raġunijiet għall-għoti tal-permess jew rifjut; kull stadju dwar l-impatt ambjentali, dikjarazzjoni dwar l-ippjanar ambjentali u dikjarazzjoni dwar l-impatt tat-traffiku u kull valutazzjoni ta’ siti alternattivi u kull analiżi dwar spiża u benefiċċju ser jiġi limitat. Dan joħnoq it-trasparenza serjament.
L-emenda proposta għal Artikolu 52 hija perikoluża immens, fis-sens illi ser tallontana ruħha mid-definizzjoni ta’ ġerarkija tal-Liġi. Preżentement, l-Artiklu 52 jelenka l-ordni ta’ preċedenza ta’ liġijiet u policies applikabbli f’każ li jkun hemm kunflitt bejn policies jew pjanijiet. L-emenda tipproponi li kwalunkwe dokument irrispettivament mill-ġerarkija għandu jiġi interpretat u applikat skont id-dispożizzjonijiet tal-aktar dokument riċenti, irrispettivament mill-pożizzjoni tiegħu fil-ġerakrija. Qed neqilbu kollox rasu ’l isfel.
Protezzjoni lid-demokrazija
Il-ġerarkija ta’ Liġijiet u policies teżisti għal raġuni… il-Kostituzzjoni tinsab fuq il-quċċata tal-ġerarkija, u hija l-umbrella li tipproteġi d-demokrazija, it-tħaddin tas-Saltna tad-Dritt u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Minkejja li l-Kostituzzjoni hija l-ogħla liġi fil-pajjiż, mhux kull Artiklu fiha jirrikjedi żewġ terzi tal-Kamra biex jitneħħa jew jiġi emendat. Jekk aħna ser nibdew nilagħbu mal-ġerarkija tal-Liġijiet, ’il quddiem anke l-kostituzzjoni tista’ tiġi mhedda u magħha d-drittijiet tagħna lkoll, id-demokrazija u s-Saltna tad-Dritt, għaliex din il-proposta taf toħloq preċedent perikoluż.
Fl-emendi għal Artiklu 54, fejn preżentement jista’ jsir tibdil żgħir wara li applikazzjoni għall-kontroll tal-ippjanar tiġi ppreżentata lill-Kunsill Eżekuttiv minn xi persuna, il-Kunsill Eżekuttiv ser ikun jista’ jagħmel dan it-tibdil minn jheddu. Apparti minn hekk, limtiazzjoniijet inkluż bidliet tal-għoli tal-bini li sa issa mhuwiex meqjus bħala tibdil żgħir ser jiġi tibdil minuri.
Fl-Artiklu 54 qiegħed jiġi propost sub-paragrafu ġdid fejn sid ta’ propjetà skedata jista’ jissottometti talba bil-miktub lill-Kunsill Ezekuttiv għat-tneħħija ta’ propjetà mil-lista ta’ skedar. Ma hemmx terminu ta’ żmien meta huwa jista’ japplika, b’dana li l-Kunsill Eżekuttiv għandu jiddetermina t-talba fi żmien tnax-il xahar. Tajjeb li jkun hemm mezz ta’ Rikors imma suġġett għal kriterji oġġettivi. Diġà sfreġjajna kull belt u raħal f’Malta, allaħares issa se nibdew nattakkaw il-bini skedat.
Filwaqt li preżentement, Artiklu 71 jitlob li meta persuna li tapplika għal permess ta’ żvilupp trid tiddikjara li hija s-sid, u jekk le trid tinforma lis-sid, skont l-emendi dan ir-rekwiżit mhux ser tkun applikabbli għall-gvern, dipartimenti, aġenziji, Awtoritajiet u korpi korportattiv li jappartjenu lill-Gvern u għal dawk il-gabillotti li jżommu għelieqi bi qbiela. Suppost li f’dal-pajjiż ilkoll ugwali, imma jidher li l-Gvern iħoss li hu ’l fuq mil-Liġi.
F’każ li xi ħadd ikun irid joġġezzjona fil-perjodu stabbilit, għandu jelenka t-tħassib tiegħu dwar l-iżvilupp b’referenza speċifika għall-policies ta’ ppjanar applikabbli u kwistjonijiet ambjentali jew ta’ ippjanar relevanti. Dan neċessarjament ifisser li biex toġġezzjona persuna bilfors trid tirrikorri għand avukat jew perit, u għalhekk ser jiżdidulha l-ispejjez.
Filwaqt li ddaħħal il-kunċett ta’ kunsiderazzjonijiet spazjali, arkitettoniċi u kuntestwali, qiegħed jiġi propost f’Artiklu 72 dwar għoti ta’ permessi, li l-Bord tal-Ippjanar jista’ jiġġustifika devjazzjoni mill-policies abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet spazjali, arkitettoniċi jew kuntestwali, u din id-devjazzjoni ma tiġix meqjusa bħala żball ta’ liġi sempliċiment minħabba li l-policies ma jipprovdux għal diskrezzjoni.
Dan iħalli diskrezzjoni arbitrarja mostruża lill-Bord tal-Ippjanar, u jiftaħ il-bieb beraħ għal aktar abbużi sfaċċati. Għalkemm qed jiġi propost li l-Bord tal-Ippjanar jista’ jispeċifika l-perjodu li fih l-iżvilupp għandu jitlesta, u li jibda jiddekorri mid-data tal-bidu fis-seħħ tax-xogħlijiet, il-perjodu mogħti jista’ jiġġedded.
F’Artiklu 76 qiegħed jiġi propost li talba għat-terminu għal konsiderazzjoni mill-ġdid ta’ applikazzjoni min-notifika tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Ippjanar jew tal-Kummissjoni, skont kif ikun il-każ, jiġi ridott minn tletin ġurnata għal ħmistax-il ġurnata.
Korrezzjoni ta’ żbalji
F’Artiklu 80, il-Bord tal-Ippjanar ser ikollu s-setgħa li fil-perjodu tal-validità tal-permess, jikkoreġi kwalunkwe żball jew ommissjoni sew fuq inizjattiva tiegħu stess u anke fuq talba tal-applikant.
Każijiet ta’ frodi, sottomissjonijiet qarrieqa jew dikjarazzjonijiet mhux korretti, u fejn ikun hemm żball ser ikunu preskritti bit-trapass ta’ sena minn meta jkun ingħata l-permess ta’ żvilupp.
L-interpretazzjoni jew applikazzjoni inkorretta ta’ liġijiet jew policies kif ukoll l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ liġijiet jew policies mhux korretti mhux ser jitqiesu li jikkostitwixxu żball f’dokument, hekk kif ikun jidher minn eżami tal-istess dokument.
Artiklu 84 fil-preżent jagħti żmien ġimagħtejn fejn il-pubbliku jista’ jagħmel rappreżentazzjonijiet lill-Ministru minn meta jinħarġu abbozzi tal-liġijiet jew policies. Dan id-dritt ser jitneħħa.
Permezz tal-emenda proposta għal Artiklu 95, kwalunkwe struttura mibnija qabel 1978 ser tiġi meqjusa legali, u għalhekk dawk li bnew illegalitajiet bejn 1966 u 1977 ser ikollhom il-binjiet tagħom sanzjonati bis-saħħa tal-Liġi.
Skont kif propost fl-Artiklu 97, l-ordnijiet ta’ waqfien (enforcement orders) mhux ser jibqgħu jitwaħħlu f’pożizzjoni prominenti fil-punt tad-dħul fuq is-siti.
L-indiċi elettroniku dwar ordnijiet ta’ waqfien u ordnijiet ta’ twettiq biex persuna tkun tista’ tirriċerka biex jiġi determinat jekk propjetà tkunx soġġetta għal tali ordni u l-obbligu li jżomm kopja ta’dak l-indiċi fl-uffiċċju tar-Reġistru tal-Artijiet u li jagħti, kontra ħlas, ċertifikat li jkun juri jekk propjetà partikolari tkunx soġġetta għal tali ordni, mhux ser jibqa’ applikabbli. Dan ukoll ikompli joħnoq it-trasparenza u d-dritt taċ-ċittadin li jkun informat.
Bl-emendi proposti għal Artikolu 100 ser jiżdiedu l-multi għal min ikollu ordni ta’ infurzar u ma jirregolax ruħu filwaqt li l-preskrizzjoni għal kull dejn dovut lill-Awtorità ser jitla’ minn ħames snin għal għaxar snin. Nifhem li dan l-eżerċizzju ta’ analiżi huwa kemxejn pedantiku, imma minħabba li għaddejja kampanja ta’ misinformazzjoni, vittimazzjoni u innegar, il-ħtieġa li n-nies ikunu informati dwar il-kontenut tal-abbozz issir aktar neċessarja.

Konklużjoni
Ir-reviżjoni tal-Qorti ser tiġi limitata bil-kbir – mhux biss tal-Qorti tal-Appell imma anke tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fejn tidħol revizzjoni ġudizzjarja.
Din mhix l-ewwel darba li Partit Laburista għamel dan. Fl-1981, Gvern Laburista kien neħħa r-reviżjoni tal-Qrati u għalhekk illimita bil-kbir id-drittijiet taċ-ċittadini filwaqt li tat saħħa enormi u diskrezzjoni vili u arbitrarja lill-Ministri, lill-Awtoritàjiet u lid-Dipartimenti tal-Gvern.
Dan jagħti lok ghal abbużi u korruzzjoni sanzjonati mir-Repubblika ta’ Malta li jeskludu l-iskrutinju tal-Qorti. Manuvri tipiċi ta’ dittatorjat – donnu kopja karta saħħara ta’ x’ġara fl-Ungerija u l-Polonja ftit tas-snin ilu.
Żdiedu bil-kbir il-burkorazija u l-formalità, meta l-prassi hi li Bordijiet u t-Tribunali joperaw skont il-Liġi u l-prinċipji ta’ ġustizzja naturali, b’aktar informalità u minghajr abbuż ta’ poter.
Tqassru ferm it-termini tal-Appell, u l-perjodi li fihom iridu jiġu deċiżi. Dan jagħti lok għall-preġudizzju kontra l-partijiet fl-Appell għad-dritt ta’ smigħ xieraq, filwaqt li potenzjalment inaqqas mill-kwalità tal-kontenut u s-sustanza tas-sentenzi.
Spejjeż żejda
Żdiedu l-ispejjeż għal kull min irid jappella, għaliex il-kumplessità u r-rigorożità rikjesti għar-Rikors tal-Appell u dokumentazzjoni ifissru li l-Appellant bilfors ikollu jirrikorri għand avukat u perit.
Dan huwa xejn għajr eżerċizzju straordinarju u abominevoli ta’ kif il-gvern irid iħott u jinnewtralizza dawk il-ftit proċeduri legali eżistenti li jipproteġu liċ-ċittadin mill-abbuż sfrenat, mid-deċiżjonijiet żbaljati (volontarji jew involontarji), korrotti (fiżikalment jew politikament), illegali, abbużivi jew bla raġuni, ta’ kwalunkwe gvern u/jew tal-bażużżli tiegħu.
Forsi l-Prim Ministru ma jdumx ma jgħidilna li dan kollu huwa biss perċezzjoni (bħat-taffiku!) jew azzjoni anti-patrijotika tal-establishment u tal-fazzjonijiet estremi u forsi l-Ministru tal-Ġustizzja jerġa’ jgħidilna li dan huwa eżempju ieħor tad-dedikazzjoni bla heda tal-Gvern tal-ġurnata lejn is-saltna tad-dritt!
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 3 ta’ Awwissu, 2025.
//= $special ?>