Knisja Lokali

Pellegrinaġġ mill-Imġarr għal Ħad-Dingli fil-festa ta’ Santa Marija

Il-parroċċi ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr qed jistiednu lis-sewwieqa tal-muturi biex nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Awwissu 2025 jieħdu sehem f’pellegrinaġġ bil-mutur tagħhom mill-Imġarr għal Ħad-Dingli.

L-inizjattiva qed tittieħed għat-tmien darba minn żewġ parroċċi ddedikati lil Marija Assunta fil-jum tal-festa solenni tagħha, li jkun ukoll jum ta’ btala pubblika.  

Is-sewwieqa tal-muturi huma mistiedna jinġabru fuq iz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tal-Imġarr fid-9.15am.  Il-pellegrinaġġ jitlaq fl-09.45a.m.  Mal-wasla f’Ħad-Dingli, ħdejn il-Knisja Arċipretali jsir it-tberik tal-muturi u s-sewwieqa jingħataw tifkira. Is-sewwieqa jkunu jistgħu jieħdu sehem fil-quddiesa fil-Knisja ta’ Ħad-Dingli li tibda fil-11am.

Din is-sena, din l-inizjattiva se tkun ta’ sostenn u għajnuna għal Caritas Malta fil-ħidmiet varji li twettaq biex tgħin u tindirizza sfidi fis-soċjetà tagħna.