Fl-aħħar żviluppi b’rabta mal-istqarrija li dalgħodu ħarġu Ħamrun Spartans, biex jgħidu li ttieħdet deċiżjoni interna li tnejn mill-plejers tagħhom se jkun qed jitresqu quddiem il-bord tad-dixxiplina tal-klabb, fl-aħħar ħinijiet iż-żewġ plejers inkwistjoni bagħtu ittra ta’ apoloġija lill-klabb.
Il-captain taċ-champions, Ħamrun Spartans, Henry Bonello u l-winger difensiv Brażiljan Rafael Compri, kienu fiċ-ċentru tal-attenzjoni fit-tmiem tal-partita ta’ nhar it-Tlieta li għadda, valida mill-UEFA Ewropa League, meta tilfu 2-1 kontra Maccabbi Tel Aviv. Il-prestazzjoni tal-Ħamruniżi kienet waħda pożittiva kontra tim aktar ikkwotat minnhom, u wara li kienu 1-0 minn fuq, il-plejers taħt it-tmexxija tal-kowċ Giacomo Modica soffrew żewġ gowls fi spazju ta’ ftit ħin li permezz tagħhom ħarġu telliefa, fit-tielet rawnd, l-ewwel leg ta’ din il-kompetizzjoni.
Iż-żewġ gowls maqgħluha minn Ħamrun Spartans setgħu faċilment jiġu evitati, b’daqxejn aktar attenzjoni mid-difiża tat-tim Malti u bħal ma jiġri dejjem fil-futbol, f’ċirkostanzi ta’ dan it-tip, ir-riżultat aħħari jnissel diżappunt u frustrazzjoni fost il-plejers, staff tekniku u mhux anqas il-partitarji.
Ħamrun Spartans soffrew il-gowl tat-telfa fil-ħin miżjud mir-referee fit-tmiem tat-tieni taqsima, b’żball difensiv u nuqqas ta’ attenzjoni. Mas-suffara finali, u fis-saħna tal-mument, il-gowlkiper Bonello u d-difensur Compri, dehru quddiem kulħadd jargumentaw bejnithom, tant li kien hemm bżonn tal-intervent ta’ plejers kollegi fl-iskwadra Ħamruniża, biex tikkalma l-arja sħuna ta’ dak il-mument.
Għalkemm l-argument bejn it-tnejn ma tantx dam għaddej, u s-sitwazzjoni bejn iż-żewġ plejers, minn dak li qalulna dawk preżenti, ġiet lura għan-normal, dalgħodu l-klabb ħareġ stqarrija biex juri d-diżappunt tiegħu lejn l-imġieba ta’ dawn iż-żewġ plejers li jiffurmaw parti mit-tim Ħamruniż. Fl-istqarrija miktuba mill-Kap Eżekuttiv tal-klabb, Marcell Bonnici, intqal li t-tmexxija amministrattiva ta’ Ħamrun Spartans kienet qed tieħu dan l-inċident b’serjetá kbira tant li kienet se tressaq liż-żewġ plejers, Bonello u Compri, quddiem il-bord tad-dixxiplina fi ħdan il-klabb, bl-għan li tittieħed azzjoni fil-konfront tal-plejers inkwistjoni.
Il-bord mistenni jiltaqa’ fis-sigħat li ġejjin, iżda fl-aħħar ħinijiet kemm Bonello kif ukoll Compri, bagħtu komunikazzjoni uffiċjali lill-klabb, permezz ta’ ittra, sabiex fost l-oħrajn jassumu responsabiltá ta’ dak li ġara wara l-partita kontra Maccabbi Tel Aviv u għamlu apoloġija lill-klabb.
Bonello, li hu l-captain ta’ Ħamrun Spartans, saħaq li l-imġieba tiegħu kienet “kompletament inaċċettabbli” u qabeż il-linja fil-mod ta’ kif irreaġixxa, fit-tmiem tal-logħba.
Il-gowlkiper tat-tim nazzjonali Malti assuma r-responsabiltá kollha, u qal li kien qed jirrikonoxxi li bl-imġieba tiegħu, ħoloq dannu lill-klabb. Bonello żied jgħid, li bħala captain tal-iskwadra, wettaq żball meta ħalla l-emozzjonijiet jiġru biħ u “kelli nikkontrolla lili nnifsi aħjar, b’maturitá u rispett.”
Bonello saħaq li bħala plejer internazzjonali u ta’ esperjenza, “ninsab konxju mil-fatt, li nagħmel aħjar minn hekk.”
Filwaqt li Bonello ammetta li bl-imġieba tiegħu wara l-partita ta’ nhar it-Tlieta, dak li għamel m’huwiex konformi mal-valuri u l-istandards tal-klabb, “ninsab iddispjaċut bil-kbir għall-ħsara fir-reputazzjoni li kkaġunajt.”
Bonello għalaq l-ittra ta’ apoloġija billi fisser kemm hu kburi li hu l-captain ta’ Ħamrun Spartans u se jkun qed jagħmel il-massimu tiegħu, biex jgħin lill-klabb tiegħu jilħaq l-objettivi tiegħu.
Il-gowlkiper ta’ 36 sena qal li hu lest jidher quddiem il-bord tad-dixxiplina tal-klabb u jagħmel dak kollu li hemm bżonn biex jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-klabb u tal-plejers sħabu fit-tim.
L-ittra miktuba minn Compri, kienet simili għal dik li Bonello bgħadt lis-Segretarju ta’ Ħamrun Spartans.
Il-Brażiljan talab appoloġija għal dak li seħħ u fil-mod ta’ kif ġab ruħu fit-tmiem tal-partita. Compri sejjaħ dak li għamel bħala “mhux xierqa u jiddispjaċini ħafna li ħallejt li ħllejt l-emozzjonijiet tiegħi jirriżultaw f’inċident pubbliku.”
Id-difensur li jilgħab fuq il-lemin, Compri saħaq li “l-esperjenza tiegħi ma’ Hamrun Spartans sal-lum kienet waħda mil-aktar pożittiva u ninsab kommess li niżgura li dan il-mument sfortunat ma jtappanx ir-relazzjoni b’saħħitha, li bnejt ma’ sħabi l-plejers fit-tim, inkluż ma’ Henry.”
Compri għalaq l-ittra li fiha kien qed jitlob skuża għal dak li għamel u ġara, billi rrimarka li għaliħ dan l-inċident hu diġa’ passat u jinsab diġa’ “iffukat bis-sħiħ fuq li nikkontribwixxi b’mod pożittiv għat-tim.”
//= $special ?>