Internazzjonali

Franza: L-akbar nirien f’75 sena se jkomplu għal diversi ġranet oħra

L-akbar nirien qalb foresta għal dawn l-aħħar 75 sena (fi Franza) għandhom ikomplu  jaqbdu għal diversi ġranet oħra anki jekk is-sitwazzjoni, ftit jew wisq, qed tinġieb taħt kontroll…Dan wara li l-fjammi ħarqu medda ta’ territorju meqjusa bħala akbar minn Pariġi, il-belt kapitali ta’ Franza.

Intant, għad hemm aktar minn 2,000 firefighter fir-reġjun ta’ Aude li ġarrab l-agħar tan-nirien u meta magħhom hemm anki l-membri tal-Armata u tal-Ġendarmerija.

F’dawn in-nirien  mietu numru ta’ persuni, b’diversi nies, inklużi ħaddiema għall-emerġenzi, jisfaw midruba. Dan ukoll wara li l-villaġġ ta’ Ribaute, lejn in-nofsinar tal-pajjiż, inħakem min-nirien kbar li ilhom jaqbdu mill-bidu tal-ġimgħa.

Madankollu, l-awtoritajiet fir-reġjun ta’ Aude qalu li, issa, għadda l-agħar tan-nirien anki jekk il-fjammi mistennija jibqgħu għaddejjin sal-bidu tal-ġimgħa d-dieħla — u meta ‘għad fadal ħafna xi jsir biex is-sitwazzjoni tkun ikkontrollata għal kollox.

Fl-aħħar jiem, diversi artijiet ta’ foresta nbidlu f’widien ta’ qerda u fejn kellhom jintużaw l-ajruplani attrezzati għall-water-bombing biex il-fjammi ma jinfirxux lejn iz-zoni residenzjali.