Kummerċ Lokali

Il-BOV jiddiġitizza d-dokumentazzjoni

Aktar minn 46 miljun paġna ta’ dokumenti fl-Arkivji skenjati

Il-Bank of Valletta saħħaħ l-investiment tiegħu fil-proġett ta’ skenjar u diġitizzazzjoni billi investa fid-Digital Operations Unit li ġie rilokat f’binja ġdida. Il-Bank qabad ir-ritmu f’dan il-proġett li jiskenja u jiddiġitizza d-dokumenti tiegħu bil-għan li jtejjeb is-sigurtà tad-data waqt li jkattar l-isforzi tiegħu li jkun Bank aktar favur l-ambjent. Minn Novembru 2022 ’il hawn, id-Digital Operations Unit skenja ’l fuq minn 46 miljun paġna ta’ dokumenti fl-Arkivji tal-Bank.

Iċ-Chairperson tal-Bank of Valletta Gordon Cordina, il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia u ċ-Chief Operations Officer Ernest Agius riċentament kellhom żjara uffiċjali fil-binja ġdida tad-Digital Operations Unit li huwa responsabbli mill-proġett ta’ diġitizzazzjoni. Waqt iż-żjara, it-Tim Eżekuttiv kellu l-opportunità li jsegwi l-proċess ta’ diġitizzazzjoni u li jiltaqa’ mal-impjegati responsabbli minn din it-trasformazzjoni.

Noel Vassallo, Kap tad-Digital Operations Unit, qal li “s-sistema ta’ filing elettroniku mhux biss tiffaċilita l-proċess biex wieħed jirkupra d-dokumenti f’iqsar żmien; imma tiżġura li jiġu segwiti b’mod sħiħ l-obbligi legali u regolatorji, li nżommu biss il-kopji fiżiċi tad-dokumentazzjoni li l-Bank huwa legalment meħtieġ li jżomm.”

Iċ-Chief Operations Officer tal-BOV, Ernest Agius, spjega li din is-sistema qed ittejjeb il-proċessi operattivi tal-Bank, billi tnaqqas il-ħtieġa li d-dokumenti jiġu arkivjati b’mod fiżiku u ttejjeb ukoll l-irkupru u l-ġestjoni tagħhom. Żied li “l-BOV qed jaħdem qatigħ biex id-dokumentazzjoni kollha tiegħu tkun diġitali bil-għan li jitnaqqas kemm jista’ jkun l-użu tal-karti. Huwa pass ieħor fid-direzzjoni t-tajba fl-appoġġ għas-sostenibbiltà, wara li diġà introduċejna l-firem diġitali fuq l-applikazzjonijiet u  l-kuntratti tal-Bank. Fl-ewwel sitt xhur tal-2025, il-Bank diġà naqqas 44,600 karta. Aktar benefiċċji huma mistennija li jinkisbu hekk kif din l-inizjattiva taqbad ir-ritmu.    

Il-Bank of Valletta qed ipoġġi s-sostenibbiltà fuq quddiem nett tal-investiment kummerċjali tiegħu, bi prattiċi Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG) fil-qalba tal-ħidma tiegħu. L-istrateġija tal-ESG tal-Bank hija bbażata fuq l-isforz li l-attivitajiet interni jkollhom l-inqas impatt ambjentali. Dan jidher f’inizjattivi bħad-diġitizzazzjoni tad-dokumentazzjoni. Inizjattivi oħra jinkludu proġetti eko-effiċjenti li jnaqqsu l-emissjonijiet diretti kif ukoll dawk indiretti, hekk imsejħa Għan 1, 2 u 3.

Bħala parti mill-impenn tiegħu li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-carbon footprint tal-pajjiż, il-Bank introduċa wkoll il-kunċett ta’ ‘walk-to-print’, u elimina l-printers minn kull uffiċċju fil-BOV Centre. Dan wassal għal tnaqqis konsiderevoli fl-istampar li rriżulta biex ġew frankati €53,000 f’karti, u €20,000 fi spejjeż ta’ stampar. Dan huwa ekwivalenti għal tnaqqis ta’ mill-inqas 6.7 miljun karta u 31 tunnellata ta’ CO2 inqas.