Lokali Qorti

Il-qtil doppju fil‑Baħrija: Il-Maġistrat Astrid May Grima se tisma’ l-kumpilazzjoni nhar l-Erbgħa

Wara li l-Maġistrat Nadine Sant Lia ddeċidiet li tirrekuża ruħha milli tibda tisma’ l‑każ kriminali relatat ma’ qtil doppju li seħħ fil‑Baħrija nhar it‑Tlieta 29 ta’ Lulju 2025, il-każ issa ġie assenjat lill-Maġistrat Astrid May Grima li se tibda tisma’ l-provi nhar l-Erbgħa, 13 ta’ Awwissu, filgħodu.

Il-kumpilazzjoni kellha tibda tinstema’ nhar il-Ħamis filgħodu imma minħabba “kunflitt ta’ interess”, il-Maġistrat Sant Lia ddeċidiet li ma tismax hi l-każ hekk kif l‑Avukat Franco Debono, membru mid-difiża fl-istess każ, huwa wkoll avukat personali tal-Maġistrat.

L‑Avukat Debono bħala parti mid-difiża għall-imputat Carmelo Ciantar, li qed jiġi mixli bl-omiċidju doppju u li kien fil-pussess ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja fost l-akkużi li qed jiffaċċja. Ciantar minn Ħaż-Żebbuġ kien tressaq il-Qorti jumejn wara li seħħ il-każ quddiem il-Maġistrat oħra Rachel Montebello.

Bħala miżura ta’ trasparenza u bżonn ta’ ġustizzja veru, il-Maġistrat Nadine Sant Lia ħadet l-inizjattiva li tirrekuża ruħha milli tkompli tmexxi l-każ, sabiex tevita kull doża ta’ dubju dwar l-imparzjalità tal-proċess.

Meta tressaq il-Qorti Ciantar wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, fosthom ta’ omiċidju volontarju u li kien fil-pusses ta’ arma tan-nar mingħajr liċenzja. Ciantar, li għandu 72 sena, qed jiġi mixli bil-qtil ta’ Dennis Mifsud ta’ 51 sena mis-Siġġiewi u Toni Agius ta’ 57 sena mir-Rabat.

Wieħed mill-vittmi hu t-tifel tas-sieħba tal-allegat aggressur, filwaqt li l-ieħor hu r-raġel tat-tifla tas-sieħba ta’ Ciantar. Meta tressaq, l-Ispettur tal-Pulizija Kurt Colombo Zahra spjega li wieħed mill-vittmi nstab f’vann b’tir f’rasu, filwaqt li t-tieni vittma kien f’vettura oħra b’għadd ta’ tiri minn nofs ġismu sa għonqu.

Kelb ta’ wieħed mill-vittmi ma telaqx minn ħdejn sidu bla ħajja, bil-Pulizija kellhom isejħu għall-għajnuna biex jikkotrollaw lill-kelb hekk kif ma ħallihomx jersqu lejn sidu. Fil-post instabu bosta dokumenti personali ta’ Ciantar imqattgħin.

Mal-wasla tal-Pulizija kien hemm diġa’ qraba tal-vittmi fil-post. It-tifla ta’ Anthony Agius, wieħed mill-vittmi, qalet li kienet irċiviet telefonata mingħand Ciantar li qallha li kien qatel lil missierha.

Wara l-qtil, il-Pulizija pprovaw jagħmlu kuntatt ma’ Ciantar, fejn dan meta qabadhom qalilhom li l-ħabs mhux sejjer u li se jsibuh mejjet. Huwa qallhom li kien jinsab Birżebbuġa iżda eventwalment instab f’ristorant tal-ikel f’kumpless ewlieni ta’ stabbilimenti fil-Mosta. Fil-vettura, li nstabet fil-parkeġġ tal-istess kumpless fil-Mosta, kien hemm shotgun bi tliet skrataċċ.

Il-prosekuzzjoni talbet għall-protezzjoni tal-qraba tal-vittmi, bil-Qorti tilqa’ din it-talba. L-akkużat ma talabx għall-ħelsien mill-arrest, bl-avukat tiegħu titlob li jinżamm f’Monte Carmeli minħabba biża’ li jweġġa’ lilu nnifsu. Ciantar qal ripetutament li jippreferi joqtol lilu nnifsu milli jaffaċċja l-proċeduri tal-Qorti.

L-avukati Franco Debono, Adreana Zammit u Francesca Zarb qed jidhru għal Ciantar. L-Avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri qed jidhru parte civile għal familjari ta’ Dennis Mifsud.