Front magħqud ta’ NGOs reġa’ qed isejjaħ lill-Prim Ministru Robert Abela sabiex immedjatament jirtira ż-żewġ abbozzi ta’ liġijiet dwar l-ippjanar li tressqu fil-Parlament fl-aħħar ta’ Lulju, u minflok iniedi proċess ta’ konsultazzjoni ġenwina billi tiġi ppubblikata White Paper.
Kif ilu jiġi mwiegħed mill-Gvern, id-dispożizzjonijiet sabiex ix-xogħlijiet jiġu sospiżi waqt li jkun għaddej l-appell għandhom jiġu implimentati minnufih billi tiġi emendata l-liġi eżistenti, iżda mingħajr ma jsir ebda tibdil ieħor li jnaqqas id-drittijiet tal-appellanti.
Il-preżentazzjoni ta’ dawn l-abbozzi saret b’mod diżonest u qarrieqi. Filwaqt li ġew ippreżentati bħala riforma meħtieġa ħafna fil-proċess tal-appelli tal-ippjanar, il-Gvern ipprova jgħaddi malajr liġi li għandha l-għan li teqred kważi kull salvagwardja eżistenti fil-qasam tal-ambjent u tal-ippjanar, filwaqt li tnaqqas b’mod serju d-dritt tal-pubbliku li jappella.
Kien biss grazzi għar-rabja mifruxa u ġustifikata tal-pubbliku li dan it-tentattiv ġie mwaqqaf temporanjament, u l-Gvern kien imġiegħel jipposponi d-dibattitu Parlamentari sakemm jerġa’ jiltaqa’ wara l-waqfa tas-sajf. Madankollu, it-theddida tibqa’ reali ħafna peress li l-abbozzi għadhom ma ġewx irtirati.
Filwaqt li l-NGOs iffirmati hawn taħt jibqgħu miftuħin għal diskussjonijiet ġenwini dwar riforma tal-ippjanar – xi ħaġa li l-pajjiż verament għandu bżonn – l-abbozzi preżenti, b’mod partikolari l-abbozz li jemenda l-Att dwar l-Ippjanar tal-Iżvilupp, ma jistgħu qatt jiġu kkunsidrati. Dawn l-abbozzi jirriflettu lista tax-xewqat tal-iżviluppaturi, u mhux il-ġid komuni. Huma jagħtu setgħat bla kontroll lill-Awtorità tal-Ippjanar u jwittu t-triq għal mewġa ta’ żvilupp distruttiv li se jikkawża ħsara kbira lill-ambjent u lill-kwalità tal-ħajja tagħna.
Jekk dawn l-abbozzi perikolużi ma jiġux irtirati, l-għaqdiet se jeskalaw il-kampanja tagħhom biex iwaqqfu dak li fil-fatt huwa kolp ta’ stat mill-iżviluppaturi. Il-pubbliku huwa mħeġġeġ iħejji ruħu għall-ġlieda li ġejja. Kull min jixtieq jibqa’ infurmat u jingħaqad fil-ġlieda jista’ jagħmel dan billi jimla din il-formola.
Għaqdiet:
- Azzjoni: Tuna Artna Lura
- BirdLife Malta
- Din l-Art Ħelwa
- Flimkien għal Ambjent Aħjar
- Friends of the Earth Malta
- Għawdix
- Moviment Graffitti
- Nature Trust – FEE Malta
- Ramblers Association
- Wirt Għawdex