Futbol Sport

Iż-żagħżugħ Mosti ta’ 16-il sena, Ryan Debono għal prova ma’ Juventus

Ryan Debono jiċċelebra gowl riċenti li skorja mat-tim nazzjonali Malti ta' taħt is-16-il sena.
Ryan Debono jiċċelebra gowl riċenti li skorja mat-tim nazzjonali Malti ta' taħt is-16-il sena.

Il-captain tat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena, Ryan Debono se jkun qed iqatta’ ħames t’ijiem ta’ taħriġ bi prova mal-klabb ta’ Juventus bejn it-18 u t-23 ta’ Awwissu li ġej.

Il-midfielder ta’ 16-il sena, li hu prodott u għadu jilgħab sal-lum ma’ Mosta, irċieva stedina uffiċjali mill-Bianconeri grazzi għall-ħidma ta’ GM Marketing & Sport, b’kollaborazzjoni ma’ EPIC Sport.

Debono, li preżentament hu meqjus bħala wieħed mit-talenti l-aktar interessanti tal-kategorija tiegħu, mhux biss se jkun qed jitħarreġ ma’ Juventus iżda se jkun qed jilgħab mat-tim Taljan, f’wieħed mit-turnament l-aktar prestiġjużi fix-xena internazzjonali, għall-klabb tal-Youths, f’Rieti l-Italja.

Debono, li għadu kemm rebaħ il-Kampjonat ta’taħt is-17-il sena ma’ Mosta, hu deskritt bħala plejer b’kwalitajiet mill-aqwa ta’ tmexxija u d-dedikazzjoni tiegħu għat-taħriġ mhux biss kompliet tkun ta’ eżempju għal oħrajn iżda matul l-istaġun li għadda, hu kompla jimmatura fil-logħba tal-futbol.

Din m’hijix l-ewwel darba li Debono qed ikun mistieden minn klabb barrani għal jiem ta’ taħriġ bi prova. F’Jannar li għadda hu mar għal prova mal-klabb ta’ Crotone filwaqt li aktar riċenti, f’April li għadda, u reġa’ kien l-Italja, fejn qatta’ jiem ta’ prova ma’ Lazio.

Net News jawgura kull suċċess lil Debono, għall-prova ta’ ħames t’ijiem ma’ Juventus.