Lokali Qorti

Jibdew il-provi fil-konfront ta’ Taljan li ġie estradit lejn Malta dwar żewġ serqiet

Manuel Bryan Melis, Taljan ta’ 27 sena u residenti l-Ġermanja, li x-xahar li għadda kien ġie estradit lejn Malta akkużat b’żewġ serqiet f’San Pawl il-Baħar, fejn f’waħda minnhom il-prosekuzzjoni qalet li sar ‘hold up’ b’sikkina fejn ħaddiem fi stabbilment spiċċa miżmum ostagg.

Il-każ jmur lura għas-16 ta’ Jannar 2024, meta għall-ħabta tal-10.00 ta’ filgħaxija, persuna bil-barnuża u jeans daħlet b’ħeffa fi stabbiliment tal-logħob f’Triq iċ-Ċern. Kien hemm biss ħaddiem waħdu meta l-aggressur, deskritt bħala “nervuż ħafna”, ipponta sikkina direttament lejn wiċċu u għonqu, qallu biex jitfa’ flus kontanti f’basket, u fl-istess ħin żammu kontra r-rieda tiegħu.

Viħibilment beżgħan l-impjegat ttrasferixxa l-ammont kollu – €1,280 – qabel l-aggressur ħarab minn fuq il-post. Is-CCTV kkonferma l-istorja tal-vittma u wera kull mument tal-aggressjoni, mill-mument li daħal il-ħanut sal-ħarba tiegħu.

Imma l-ġrajja ma spiċċatx hemm. L-għada, fil-11.15am tat-17 ta’ Jannar, f’lukanda fl-istess lokalità, persuna oħra – irrappurtat serqa misterjuża: arloġġ ta’ €500 u laptop Lenovo li kienu nsterqulu mill-kamra.

Għalkemm il-laptop kien qadim, kien fih ritratti b’valur sentimentali kbir. Il-vittma qal lill-Pulizija li kien jaf lill-allegat ħalliel – Melis – għax hu mill-istess raħal tgiegħu f’Sardinja u anke kien rah Malta ftit jiem qabel. Skont ix-xhieda tiegħu, Melis kien diġà talbu xi flus diversi drabi, anke biex jixtri l-ikel.

Meta t-tieni vittma ra l-filmat tas-serqa l-oħra tal-lejl ta’ qabel, għaraf immedjatament lill-aggressur bħala Melis. Huwa stqarr mal-pulizija li kien iltaqa’ miegħu fil-lukanda filgħodu qabel ma nsterqulu l-oġġetti, u li meta kkuntattjah fuq Messenger, Melis ammetta s-serqa u indikalulu fejn kien biegħ l-arloġġ u l-laptop. Huwa anke offra li jħallas għall-ħsara tal-bieb tal-lukanda – xi ħaġa li fil-fatt għamel.

Melis, skont l-investigazzjonijiet, kellu l-intenzjoni li jitlaq minn Malta proprju nhar is-17 ta’ Jannar, u qabel it-tluq talab lit-tieni vittma flus biex jixtri biljett tal-passaġġ lura. Il-pjan tiegħu falla wara li l-pulizija identifikawh permezz ta’ filmati u xhieda diretta.

Fost il-provi hemm ukoll reġistrazzjonijiet tas-CCTV minn kumpless fil-Qawra fejn kien jgħix, u li juru lill-akkużat u lill-vittma l-oħra. Il-Pulizija kienu ħarġu Mandat ta’ Arrest Ewropew u fit-22 ta’ Lulju, membri tal-Korp marru l-Italja biex jakkumpanjawh lura lejn Malta minn Ruma.

Huwa kien tressaq quddiem il-Maġistrat Dr Claire Stafrace Zammit u wieġeb mhux ħati għall-akkużi ta’ serqa b’arma offensiva, detenzjoni kontra l-volontà, u serqa b’dannu għal persuna oħra. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Manuel Grech mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali assistit mill-Ispetturi Lydon Zammit u Shawn Pawney.