Lokali

“Kien taħt effett kbir ta’ alkoħol” – jitkellem it-tifel ta’ sid il-ħanut

"Hemm raġel, hemm raġel" - in-nies jinstemgħu mill-video tas-CCTV, wara l-ħabta fil-ħanut

“Ilum ma ġratx diżgrazzja, imma ġrat grazzja għax ma weġġa’ ħadd. Sakemm ommi marret titma l-qtates ta’ barra, eżatt dak il-ħin sar l-inċident”.

Hekk iddikjara fuq Facebook Maverick Baldacchino, it-tifel tas-sid tas-salon li spiċċa bl-entratura mfarrka wara li karozza baqgħet dieħla fil-ħanut tax-xagħar.

Baldacchino qal bla tlaqliq li “Alla kbir, għax dan kien miraklu”.

Fil-fatt, il-filmati tas-CCTV li nfirxu fl-aħħar sigħat urew is-saħħa li biha l-vettura daħlet fis-salon. U f’dawk il-minuti, in-nies li kienu fit-triq jinstemgħu jgħidu li kien hemm raġel fil-karozza – b’referenza għas-sewwieq.

Maverick Baldacchino allega li x-xufier kien xurban, u qed jappella biex issir ġustizzja.

“Rajt u smajt ħafna kummenti fuq li-ġara llum u kien hemm ftit minnhom li weġġgħawni ftit għax hi x’inhi ommi. Però, dan ix-xufier li baqa’ dieħel b’veloċità eċċessiva fil-ħanut ta’ ommi kien taħt effett kbir ta’ alkoħol. Dik hija il-verità!”

“Nispera li issir ġustizzja kif suppost u jieħu dak li ħaqqu għax dan il-barrani mejjet fis-sakra seta’ qatel lill-ommi u l-klijenti li kellha llum.”

Hu qal ukoll li l-ħanut ta’ ommu ser ikompli jopera mil-lum stess.