Ambjent Lokali

L-abbozzi dwar ir-riforma tal-ippjanar għandhom jiġu rtirati minnufih – PN

Wara li ċeda għall-pressjoni, il-Gvern issa waqqaf kumitat iffurmat minn Ministri u Segretarji Permanenti tiegħu stess biex taparsi jikkonsulta, imma diġà ddikjara li mhux se jintlaħaq qbil mal-għaqdiet ambjentali

Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-abbozzi dwar ir-riforma fil-qasam tal-ippjanar li l-Gvern Laburista ressaq b’għaġla kbira quddiem il-Parlament fl-eqqel tas-sajf għandhom jiġu rtirati minnufih.

Kien biss wara l-pressjoni qawwija li għamlu l-PN u l-għaqdiet ambjentali li l-Gvern ma qabadx u għadda dawn il-liġijiet mill-Parlament, imma issa – wara li ċeda għall-pressjoni – biex taparsi juri li qed jagħmel xi ħaġa, ilbieraħ il-Gvern ħabbar taparsi konsultazzjoni billi waqqaf kumitat immexxi mill-Kap tas-Segretarjat tal-Prim Ministru f’Kastilja u ffurmat minn ħames Ministri u żewġ Segretarji Permanenti tiegħu stess.

Li kieku l-Gvern verament ried jagħmel konsultazzjoni kif suppost, u mhux konsultazzjoni farsa, kien jara li dan il-working committee jinkludi lil dawk li qed isemmgħu leħinhom kontra dawn il-liġijiet li ressaq kif ukoll esperti f’dan il-qasam, u mhux persuni fil-Gvern stess li kienu responsabbli għall-istess liġijiet li qajmu daqstant kontroversja – kif qed jgħidulu wkoll esponenti tal-Labour stess bħal Edward Zammit Lewis, u l-għaqdiet ambjentali nfushom.

Din mhi xejn għajr manipulazzjoni biex xorta tgħaddi tal-Gvern u l-liġijiet proposti li qanqlu rabja kbira mis-soċjetà ċivili jiġu approvati wara li jerġa’ jiftaħ il-Parlament.

Tant hu hekk li l-Gvern diġà jaf li mhux se jintlaħaq qbil mal-eNGOs u filwaqt li l-konsultazzjoni għadha se tibda, diġà ddikjara li se jkun hemm affarijiet li l-għaqdiet ambjentali mhux se jaqblu magħhom. Dan juri biċ-ċar li l-Gvern mhux dispost ibiddel punti kruċjali fil-liġi li ħolqu kontroversja.

Il-PN mhux se jħalli lill-Gvern jagħmel konsultazzjoni taparsi biex tgħaddi tiegħu u filwaqt li jappoġġja s-sejħa tal-għaqdiet ambjentali li qed jipprotestaw kontra dawn il-liġijiet, se jibqa’ jinsisti li l-abbozzi għandhom jiġu rtirati.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen f’konsultazzjoni vera u mhux f’konsultazzjoni sfurzata, bil-kundizzjonijiet, u għal għajn il-media, biex il-Gvern ikun taparsi għamel xi ħaġa ħalli mingħalih itaffi xi ftit mir-rabja tan-nies u tal-għaqdiet li ħarġu kontrih.

Bħalma għamel dejjem, il-Partit Nazzjonalista mhux biss qieghed fi djalogu kontinwu ma’ dawk kollha involuti u interessati, imma jinsab lest ukoll jiddiskuti mal-Gvern dwar dak li qed jinkwieta lin-nies. Jekk il-Gvern verament jemmen f’konsultazzjoni ta’ veru, għandu jiżgura li ssir konsultazzjoni anke ma’ min jirrappreżentah u allura għandu jikkonsulta b’mod serju wkoll mal-Oppożizzjoni.

Fin-nuqqas ta’ dan, ikun qiegħed biss jibqa’ għaddej bħal romblu minn fuq kulħadd, basta tgħaddi tiegħu.

Dan intqal fi stqarrija mix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet Stanley Zammit u mix-Shadow Minister għall-Ambjent Rebekah Borg.