L-Istati Uniti rduppjat il-premju ta’ flus għall-informazzjoni li twassal għall-arrest tal-President tal-Veneżwela, Nicolás Maduro — u fost l-akkużi li dan il-mexxej hu fost ‘l-akbar traffikanti tad-droga fid-dinja’. …Il-premju offrut, issa, hu l-ekwivalenti ta’ aktar minn 40 miljun ewro.
Il-President Amerikan, Donald Trump ilu s-snin kritiku kbir ta’ Maduro – bil-President Veneżolan, f’Jannar, jirbaħ mandat ieħor tal-Presidenza wara elezzjoni mtappna bl-allegazzjonijiet dwar it-tbagħbis tal-voti.
Ir-riżultati ta’ dik l-elezzjoni, intant, ma kenux aċċettati mill-komunità internazzjonali fost l-indikazzjonijiet ta’ proċess immanipulat.
L-Avukat Ġenerali tal-Istati Uniti, Pam Bondi, ikkonfermat li l-Gvern tagħha kien qed jirdoppja l-premju għall-arrest ta’ Maduro – b’Washington isostni li l-President tal-Veneżwela hu direttament ‘konness’ mat-traffikar tad-droga fuq skala kbira.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Veneżolan għall-Affarijiet Barranin, Yvan Gil, fisser dan il-premju bħala ‘mossa patetika’ u ‘propaganda politika’.
Fl-ewwel Presidenza ta’ Donald Trump, il-Gvern Amerikan kien akkuża lil Maduro, flimkien ma’ uffiċjali oħrajn tal-Veneżwela, dwar diversi reati, fosthom il-korruzzjoni u ‘it-terroriżmu marbut mat-traffikar tad-droga’.
Akkuża oħra kontra Maduro kienet li l-Mexxej Veneżwela kien ikkollabora mal-grupp tar-ribelli Kolombjani FARC biex ‘jużaw il-kokaina bħala arma kontra l-poplu tal-Istati Uniti.’
Min-naħa tiegħu, il-President Maduroo, li jmexxi lill-Partit tas-Soċjalisti Veneżolani Magħquda, qed jiċħad kategorikament li hu qatt kien involut fit-traffikar tad-droga fuq skala kbira.
//= $special ?>