Internazzjonali Lokali

L-MEP David Casa jikkundanna l-Gag Orders li jimminaw il-libertà tal-espressjoni

F’kummenti li ta lil ‘The Brussels Morning Newspaper’, l-MEP David Casa xeħet dawl fuq l-implikazzjonijiet ta’ Gag Orders legali fuq il-libertà tal-kelma u fuq ir-responsabbiltà demokratika fi ħdan l-Unjoni Ewropea, speċjalment f’Malta.

Casa saħaq dwar il-ħtieġa ta’ miżuri iktar b’saħħithom biex ikunu protetti l-ġurnalisti kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fuq livell nazzjonali, dan filwaqt li tenna l-importanza li ġurnalisti investigattivi għandhom biex jesponu stejjer li jkunu fl-interess tal-poplu fosthom dwar il-korruzzjoni.

L-MEP David Casa, li ilu snin jaħdem favur il-libertà tal-kelma, tkellem dwar il-Gag Order li saret fuq it-Times of Malta, fejn sostna li kundizzjonijit bħal dawn, jibagħtu messaġġ xokkanti lill-midja kollha madwar l-Ewropa.

Dwar il-protezzjoni tal-ġurnalisti, Casa qal li d-direttiva tal-anti-slappp hija biss il-bidu u żgur li mhux biżżejjed. Huwa sostna li l-membri stati tal-Unjoni Ewropea għandhom, jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummssjoni Ewropea.

David Casa tkellem ukoll dwar l-importanza tal-ġurnalisti investigativi u sostna li dawn huma essenzjali biex jiżvelaw każijiet ta’ ħasil tal-flus, u spjega li min ikun qed jagħmel dan ir-reat normalment ikun persuna ta’ ħafna flus u għalhekk il-ġurnalisti investigattivi għandhom jingħataw l-appoġġ neċessarju.