Sport

Malta tilfet mad-Danimarka fil-basketball fl-Ungerija

Danimarka   67      Malta     44

Il-ħames partita għas-Selezzjoni Maltija fil-Kampjonat FIBA Europa Diviżjoni B – Taħt l-20 sena Malta tilfet mad-Danimarka fil-Kumpless tal-Isport tal-Universita’ ta’ Miskolc, fl-Ungerija.

Il-partita, li għaliha s-selezzjoni Maltija kienet immexxija minn Charles Bonnici assistit minn Maria Agius, kienet it-tieni waħda mir-rawnd ta’ klassifikazzjoni ġenerali. Fl-ewwel sessjoni wara li Danimarka fetħet vantaġġ 10 – 6 u wara 15 – 8 eventwalment, is-sessjoni intemmet 20 – 13 għad-Danimarka.

L-andament matul it-tieni sessjoni baqa’ l-istess, bid-Danimarka tirbaħ is-sessjoni 14 – 10 sabiex qabel il-mistrieħ l-iskor kien 34 – 23 . L-istess bħal fil-partita kontra l-Albanija, wara l-mistrieħ it-tim Malti kien aħjar fejn fit-tielet sessjoni għalaq bi żvantaġġ ta’ punt 16 – 15 bl-iskor fi tmiem is-sessjoni jsir 50 – 38 għad-Danimarka.

Rimonta li ġabet reazzjoni mid-Danimarka li ddominat l-aħħar sessjoni 17 – 6 bil-partita tintemm 67 – 44 għad-Danimarka.

Il-punti għal Malta kienu magħmula minn Philippa Riolo 15-il punt, Sarah Fenech 9 punti, Andrea Saliba 5 punti, Lisa Fenech 4 punti, Rebecca Fenech Pace 3 punti, u Ella Abela, Sarah Sciberras , Jade Said u Vanya Baldacchino b’2 punti kull wieħed.