Wara 11-il sena konsekuttivi jilbes il-flokk ta’ Tarxien Rainbows, id-difensur ċentrali ta’ 33 sena, Matthew Tabone, ħabbar li kien qed jieħu deċiżjoni finali li jirtira mil-futbol milgħub.
Tabone, li hu l-captain ta’ Tarxien Rainbows, u kellu sehem importanti fis-suċċess miksub mit-tim fl-aħħar tal-istaġun li għadda, fejn kisbu promozzjoni għall-Malta Premier wara diversi snin assenti mill-ogħla livell tal-futbol Malti, ikkomunika din id-deċiżjoni permezz ta’ post fuq il-paġna soċjali tiegħu fuq Facebook.
“Wara 30 sena nilgħab il-logħba li nħobb, wasal iż-żmien li nieqaf. Qalbi u moħħi kienu lesti li jibqgħu jegħlbu l-isfidi biex inkompli nilgħab, imma t-toqol tad-diversi injuries kontiwni, u li kull darba nispiċċa nieqaf għal xi żmien, sakemm nirkupra, fl-aħħar wasluni biex nagħmel għażla. Wara ħafna ħsieb, qed nieħu d-deċiżjoni li nirtira. Naf li din hija l-aħjar deċiżjoni kemm għalija kif ukoll għall-familja tiegħi,” qal Tabone.
L-eks plejer ta’ Hibernians, St. George’s u Vittoriosa Stars, qal li biex wasal s’hawn “ma kienx faċli. Kien hemm xi ġranet iebsa li wasluni nieħu din id-deċiżjoni, iżda meta nħares lura, il-memorji li nara jagħmluni kuntent u għalhekk għandi gratitudni profonda għal kull min kien parti minn dan il-vjaġġ inkredibbli tiegħi bħala plejer,” kompla jgħid Tabone.

Matthew Tabone, jiċċelebra l-promozzjoni għall-Malta Premier ma’ Tarxien Rainbows, f’April li għadda.
Fl-istess post tiegħu, fuq il-midja soċjali Tabone, li lagħab mal-125 partita fil-Kampjonat Premier, ħa l-opportunitá li jirringrazzja lil kull min kien parti mill-karriera tiegħu bħala plejer tal-futbol, partikolarment lill-aħħar President ta’ klabb li kellu u li ħadem miegħu għal dawn l-aħħar ħdax-il sena, Tony Cassar.
Interessanti l-fatt li fil-25 ta’ Ġunju li għadda, permezz tal-paġna ta’ Facebook ta’ Tarxien Rainbows, il-klabb kien ħabbar li Tabone kien ġedded il-kuntratt tiegħu mal-iskwadra taħt it-tmexxija tal-kowċ Jacques Scerri.
Dan jikkonferma li l-pjan oriġinali għall-istaġun il-ġdid kien li Tabone jilgħab it-12-il staġun tiegħu ma’ Tarxien Rainbows, iżda sfortunatament il-plejer reġa’ sofra injury oħra li din id-darba sfurzatu jieħu deċiżjoni iebsa u darba għal dejjem, dik li b’seħħ immedjat jieqaf jilgħab il-futbol.
Fil-passat, Tabone lagħab erba’ darbiet mat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena u fir-rwol difensiv tiegħu, apparti dak ta’ difensur ċentrali, il-plejer li tul il-karriera tiegħu ħadem ma’ ftit inqas minn 20 kowċ differenti, kemm il-darba kien ikun utiliżżat bħala midfielder difensiv.
//= $special ?>