Opinjoni

OPINJONI: Sinjuruni mil-lum għal għada

Għandna minoranza dejjem tikber li, f’salt wieħed, qed isiru sinjuruni mmens u mingħajr spjegazzjoni ta’ xejn

minn Mark Said
Opinjonista

Dan, filwaqt li l-għadd ta’ nies mingħajr saqaf fuq rashom, dawk f’riskju li jispiċċaw bla dar, dawk li kontinwament jaraw kif jagħmlu biex ikampaw, u dawk li jirrikorru għand iċ-ċentri tat-tqassim jew servizz t’ikel għax m’għandhomx biex jixtruh qed dejjem jiżdiedu, il-maġġoranza li tibqa’ qed jitħanżru b’dan il-fenomenu ta’ ġid sfrenat inspjegabbli.
B’danakollu, il-leġiżlaturi tagħna jibqgħu jżommu lura milli jilleġiżlaw biex jindirizzaw u jippunixxu kull ġid enormi mhux spjegat li, probabbilment, ikollu oriġini suspettuż, inkella miksub b’mod illeċitu u kriminalment, imma diffiċli li tippruvah.
Fl-2020, il-Ministru tal-Ġustizzja ta’ dak iż-żmien, Edward Zammit Lewis, kien ipprova jressaq liġi dwar il-ġid kbir ta’ malajr li kellha l-mira li tagħti poteri eżekuttivi biex jiġi miġġieled il-fenomenu tal-ġid inspjegabbli u l-ammassament t’assi bħalma huma karozzi, dgħajjes u ħwejjeġ oħra, mingħajr ma jkun spjegazzjoni plawżibbli tal-oriġini tagħhom. Sfortunatament, dak l-abbozz tpoġġa fuq l-ixkaffa peress li ma ntlaqax tajjeb mill-bqija tal-Kabinett Laburista.
Fl-2022, imbagħad, il-Partit Nazzjonalista abbozza liġi li tinkorpora ir-rakkomandazzjonijiet kollha magħmula fl-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’dak l-abbozz, kien hemm liġi li kieku kienet tobbliga lill-kriminali u politiċi li jiżvelaw ġid mhux spjegat. Ma kien ikollhom ebda għażla ħlief li jikxfu s-sors tal-ġid mhux spjegat, inkella jissograw li jkollhom l-assi tagħhom ikkonfiskati.

Ġid mhux spjegat
Ksur tal-hekk imsejħa Liġi Dwar Ġid Mhux Spjegat proposta mill-Oppożizzjoni kien jirriżulta f’piena ta’ priġunerija sa’ sentejn, miżura bl-għan li trażżan lill-politiċi u kriminali milli jakkumulaw assi mingħajr ma jispjegaw is-sors tal-fondi warajhom.
Minbarra li l-individwi jkunu obbligati li jiżvelaw is-sors tal-ġid inspjegabbli tagħhom, il-liġi kienet ukoll tagħti lill-awtoritajiet il-poter li jaqbdu l-assi suspettati li huma ffinanzjati minn attivitajiet kriminali.
Għal darb’oħra, ma kienx hemm qbil għax il-Prim Ministru Robert Abela ddeċieda li jwarrab is-solleċitazzjoni tal-PN biex ikollna liġi dwar il-ġid enormi mhux ġustifikat.
Sal-lum, il-liġi Maltija titratta biss ordnijiet t’iffriżar fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus u assi u gwadann minn attivita’ kriminali. Għall-kuntrarju tal-ġid mhux ġustifikat, però, jinħtieġ sejbin ta’ ħtija sabiex dawk l-ordnijiet ikunu effettivi, imbagħad sta għall-ħati li jipprova fil-qrati ċivili li dak il-ġid ma kienx ġej minn attivita’ kriminali.
F’dan l-isfond, wieħed raġonevolment jiddubita jekk l-għodda li l-gvern għandu f’idejh humiex jagħtu riżultati biżżejjed fl-irkupru tal-ġid mill-korruzzjoni.
Passi legali biex jiġu rkuprati l-assi spiss ma jirnexxux meta jonqsu milli jistabbilixxu rabta bejn il-ġid u l-kommissjoni ta’ reat kriminali, kif jitolbu l-konfiska kriminali, inkella dik ċivili. Din ir-rabta taf tkun diffiċli li tistabbilixxi meta ma jkunx hemm traċċi ta’ flejjes ġejjin mill-ġurisdizzjoni danneġġjata mill-korruzzjoni għal dik fejn il-gwadann illeċitu jiġi maħsul.

Flejjes ta’ tixħim
Pereżempju, uffiċjal governattiv jaf jirċevi flejjes ta’ tixħim f’kontijiet bankarji barranin miżmuma minn kumpaniji finti u investiti fi propjetà. Meta ma jkunx hemm tagħrif speċifiku dwar transazzjoni partikolari korrotta, li tinfetaħ indaġini dwar l-oriġini tal-propjetà taf tkun sfida legali kważi impossibbli; mhux biss, imma talli li tinkiseb prova li twassal għal konfiska kriminali jew ċivili, taf tieħu snin kbar t’investigazzjonijiet kumplessi mingħajr garanzija ta’ suċċess.
Bosta pajjiżi, inkluż l-Awstralja, il-Kenja, il-Mawritius, ir-Renju Unit, Trinidad u Tobago u ż-Żimbabwe, ilhom b’liġi li tindirizza l-ġid enormi ta’ malajr mingħajr ġustifikazzjoni ta’ xejn. Hija qorti ċivili li tassisti fl-investigazzjoni inkella fil-konfiska ta’ assi li ma jirriflettux is-sorsi magħrufa ta’ dħul ta’ dak li jkun.
L-investigazzjonijiet jiskattaw jekk l-awtoritajiet juru diskrepanza manifesta bejn id-dħul leġittimu pruvati, pereżempju, mid-dikjarazzjonijiet tad-dħul lid-dipartiment tat-taxxa, u l-ġid li jippossjedu. Ġaladarba dik id-diskrepanza tirriżulta, dak li jkun ġeneralment ikun obbligat jipprova għas-sodisfazjon tal-qorti, l-oriġini ġustifikat ta’ dak il-ġid.
Jekk ma jirnexxilux, il-konsegwenzi jiddependu fuq il-liġi li jkun hemm f’dik il-ġuriżdizzjoni. Fir-Renju Unit, fejn l-ordni tkun miżura t’indaġini, l-awtoritajiet jistgħu jitolbu ċivilment il-konfiska konformement mar-regoli tal-konfiska msejsa anke fejn mhemmx sejbin ta’ ħtija.
F’ġurisdizzjonijiet oħrajn, is-sistema tinkludi kemm il-possibillta’ tal-awtoritajiet li jeżiġu il-produzzjoni ta’ tagħrif kif ukoll il-poter tal-qrati li jikonfiskaw kull ġid li mhux sodisfaċentement spjegat.

Investigazzjonijiet proattivi
Sanzzjonijiet minħabba ġid enormi mhux spjegat jistgħu jirriżultaw f’żieda t’investigazzjonijiet proattivi fejn id-diskrepanza bejn il-ġid u s-sorsi leġittimi tad-dħul ma tkunx tradizzjonalment biżżejjed biex tiskatta legalment indaġini formali dwar korruzzjoni jew ħasil ta’ flus.
Il-liġi kieku kienet tipprovdi għall-ġustifikazzjoni legali biex jinbdew investigazzjonijiet ibbażati fuq sorsi differenti (inkluż awtoritajiet tat-taxxa u dwana, whistleblowers, inkella uffiċjali għolja għas-sigurtà).
Dan kien ikun ta’ benefiċċju kbir f’każ t’investimenti f’ċentri finanzjarji minn persuni politikament esposti, individwi bi dħul eżaġerat mhux spjegabbli jew kumpaniji fittizji. Kienet tgħin biex jiġu megħluba l-isfidi probatorji marbuta mad-dispożizzjonijiet dwar il-konfiski kriminali.
Fuq kollox, dik il-liġi kienet tikkontribwixxi biex jissaħħu r-reġim tagħna dwar l-irkupru tal-assi inkonformità mal-prinċipji għolja tal-G20 u l-istandards tal-FATF fis-snin li ġejjin.
Sakemm il-gvern ma joħodhiex bis-serjetà dwar din il-liġi proposta mill-PN fuq il-ġid eżaġerat mhux spjegabbli, din is-sindroma ta’ ammassament ta’ ġid mil-lum għal għada x’aktarx sejra tkompli tinfirex fost dawk li jaġixxu suspettożament, b’mod korrott u frawdolenti f’transazzjonijiet, filwaqt li aħna ċertament m’aħniex sejrin naraw ebda trażżin ta’ dan il-ġid sfaċċat u illeċitu, almenu mhux fis-snin li ġejjin.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 3 ta’ Awwissu, 2025.