Mara Spanjola ta’ 32 sena, Marta Martín Dañobeitia, ġiet ikkundannata seba’ snin ħabs u mmultata €15,000 wara li ammettiet li ppruvat tiddaħħal f’Malta madwar 13-il kilo kannabis grass. Il-każ imur lura għal Ottubru tal-2020 meta koppja Spanjola twaqqfet waqt spezzjoni rutinarja tal-passiġġieri fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta – wara li kienu waslu minn Sevilla.
Meta l-bagalji tagħhom għaddew mill-magna tal-X-ray, instabu 13-il borża tal-plastik suspettużi. Fil-qorti ħareġ li Dañobeitia kienet qed iġġorr seba’ borżi b’piż ta’ 6.89 kilo kannabis grass, filwaqt li s-sieħeb tagħha, Juan José Fernández López, kellu 5.94 kilo oħra.
Esperta maħtura mill-qorti stmat li l-ammont totali ta’ 12.83 kilo kien jiswa fit-toroq madwar €243,770. Evidenza forensika kkonfermat li López kien mess il-pakketti kollha, inklużi dawk li kienu fil-bagalja ta’ Dañobeitia.
Il-Pulizija ppruvat twettaq konsenja kkontrollata tal-droga iżda ħadd ma deher biex jiġborha. Il-koppja ġiet arrestata u akkużata bi traffikar ta’ kannabis grass, importazzjoni u pussess tal-istess droga f’ċirkostanzi li ma kinux għall-użu personali. López qed jiffaċċja wkoll akkużi relatati mal-importazzjoni u pussess ta’ kokaina, b’każ separat tiegħu għadu għaddej.
F’Lulju 2025, qabel bdiet il-ġuri tagħha, l-Avukat Ġenerali u d-difiża ressqu talba konġunta biex Dañobeitia tiddikjara ruħha ħatja, tingħata piena ta’ seba’ snin ħabs u multa ta’ €15,000. It-talba kienet ukoll biex il-qorti tqis l-għajnuna li tat lill-pulizija matul l-investigazzjonijiet.
Il-qorti, preseduta mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras, qieset li d-dikjarazzjoni ta’ ħtija saret qabel il-bidu tal-ġuri u, għalkemm il-ftehim bejn il-partijiet ma jorbotx lill-qorti, hija aċċettat is-sentenza proposta. Dañobeitia kienet ordnata wkoll tħallas €2,070.87 fi spejjeż tal-qorti u jiġu kkonfiskata l-assi tagħha. Il-qorti ma ordnatx il-qerda tal-kannabis, billi l-provi se jintużaw fil-proċeduri kriminali kontra López.
//= $special ?>