Lokali Qorti

Terġa’ titressaq il-Qorti fuq serq minħabba l-vizzju tad-droga

Mara bi problema severa ta’ droga reġgħet tressqet il-Qorti b’rabta ma’ serq u dan biex tiffinanzja l-vizzju tagħha. Din kienet it-tielet darba li Abgail Bugeja ta’ 38 sena, residenti San Ġiljan tressqet il-Qorti b’rabta ma’ serq.

Il-Ġimgħa wara nofs inhar wieġbet mhux ħatja quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi fejn kienet akkużata li fit-3 ta’ Awwissu li għadda għall-ħabta tal-10am. serqet minn blokka ta’ appartamenti f’San Ġiljan stess.

L-Avukat Nicholas Mifsud talab lill-Qorti biex din tingħata l-għajnuna kollha possibbli meta tkun fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, liema talba kienet aċċettata bil-Qorti tagħmel rikomadazzjoni dwar dan lid-Direttur tal-ħabs.

Hija ġiet mixlija li serqet numru ta’ ħwejjeġ u oġġetti oħra mill-viċinanzi ta’ fejn toqgħod. Filmati mis-CCTV wasslu għall-arrest tagħha. Ix-xahar li għadda hija tressqet il-Qorti u iffaċċjat akkużi ta’ serq aggravat u reati relatati, wara li allegatament kienet serqet diversi oġġetti minn appartament f’Gżira fuq żewġ okkażjonijiet differenti f’Marzu li għadda.

Hija kienet akkużata meta tressqet f’Lulju li għadda li wettqet serq kumplessiv ta’ €20,000. Abigail Bugeja fit-23 ta’ Lulju li għadda ffaċċat akkużi li fit-23 ta’ Marzu 2025, serqet ukoll ħwejjeġ tad-ditta, kożmetiċi u oġġetti personali oħra b’valur sa €2,329.37 minn appartament fis-Savoy Gardens, Gżira.

Hija kienet ukoll tressqet il-Qorti f’Ġunju li għadda u bħal ma kien seħħ f’Lulju, f’Ġunju kienet ħarġet fuq pleġġ. Skont il-prosekuzzjoni, erbat ijiem wara, fis-27 ta’ Marzu – hija allegatament irritornat fl-istess appartament u serqet ġojjellerija, flus kontanti, żewġ power banks, iPad Air u oġġetti oħra li wkoll jaqbżu l-istess valur. L-avukat Nicholas Mifsud li deher għad-difiża tal-akkużata ma talabx għall-ħelsien mill-arrest. L-Ispetturi Kelsey Bugeja u Nico Zarb.