Spanjola ta’ 32 sena ġiet ikkundannata seba’ snin ħabs u mmultata €15,000 wara li ammettiet li ppruvat iddaħħal f’Malta madwar 13-il kilo kannabis grass.
Il-każ imur lura għal Ottubru tal-2020 meta koppja Spanjola twaqqfet waqt spezzjoni tal-passiġġieri fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta – wara li dawn kienu waslu minn Sevilla.
Meta l-bagalji tagħhom għaddew mill-magna tal-X-ray, instabu 13-il borża tal-plastik suspettużi.
Fil-qorti ħareġ li l-mara kienet qed iġġorr seba’ boroż b’piż ta’ kważi seba’ kilogrammi kannabis grass, filwaqt li s-sieħeb tagħha, kellu sitt kilogrammi oħra.
Esperta maħtura mill-qorti ikkalkulat li l-ammont totali kien iġib ‘il fuq minn €240,000.
Il-koppja ġiet arrestata u akkużata bi traffikar ta’ kannabis grass, importazzjoni u pussess tal-istess droga f’ċirkostanzi li ma kinux għall-użu personali.
//= $special ?>