Żewġ aħwa minn New York, Matthew Roberts Miller ta’ 31 sena u Joshua Daniel Miller ta’ 24 sena, tressqu l-Qorti s-Sibt filgħodu wara li għamlu kommossjoni f’ħanut tal-ħwejjeġ f’Paceville u rreżistaw l-arrest waqt li kienu taħt l-effett tal-alkoħol.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu fi Triq San Ġorġ.
Skont il-prosekuzzjoni, iż-żewġ irġiel daħlu f’ħanut filwaqt li kienu ferm taħt l-influwenza tal-alkoħol, bdew jikkawżaw storbju u meta waslu l-pulizija ppruvaw jaħarbu.
Meta ġew imwaqqfa mill-Pulizija qamet ġlieda li kkaġunat xi ġrieħi lill-aħwa kif ukoll lill-Pulizija, li kollha dehru fil-Qorti.
Huma ġew akkużati li weġġgħu żewġ pulizija, insulentawhom, ma obdewx l-ordnijiet tagħhom, ikkawżaw skandlu pubbliku u kienu fis-sakra f’post pubbliku.
Il-Prosekutur, Ispettur Nico Zarb qal li ma kienx qed jitlob piena ta’ ħabs.
Id-difiża rrimarkat li l-aħwa kienu kooperativi waqt l-interrogazzjoni, ammettew il-ħtija u wrew rispett lejn il-Pulizija.
Intant, il-Maġistrat Abigail Critien illiberathom bil-kundizzjoni li ma jwettqux reat iehor f’sena u multa ta’ €1,200.
//= $special ?>