Lokali

“Appell biex il-Gvern jirrikonoxxi l-istat Palestinjan”

Diversi għaqdiet lokali u internazzjonali ingħaqdu barra l-Parlament f’azzjoni simbolika u ta’ protesta kontra dak li għaddej bħalissa f’Gaza.

Il-ġimgħa filgħaxija kienu bosta li ngħaqdu fi protesta sabiex b’mod immedjat jieqfu l-ħruxijiet fil-medda ta’ Gaza. Matul din il-protesta, l-attivisti żammew bosta kartelluni, bil-kliem ‘Free Palestine’ u ‘Sanction Iżrael’, fejn anke wrew rittratti u xeni dwar il-vjolenza u l-qerda li qed ikompli jaffaċċja l-poplu Palestinjan.

Waqt din il-protesta, l-għaqdiet tennew dak li ilhom jgħidu lill-Gvern Malti; sabiex jikkundanna lill-Iżrael u jsejjaħ għal sanzjonijiet, u ankè jipprojbixxi vapuri Maltin milli jittrasportaw armi u materjali oħra lejn Iżrael.

Huma wkoll appellaw lill-Gvern sabiex b’mod immedjat jirrikonoxxi l-istat Palestinjan.

Barra minn hekk, l-attivisti saħqu kif din l-aggressjoni Iżraeljana f’Gaza ilha għaddejja għal kważi sentejn, b’konsegwenza li aktar minn 600,000 persuna nqatlu u numru sostanzjali ta’ persuni jbatu minn nuqqas ta’ ikel.

F’din il-protesta kien hemm l-Ambaxxata tal-Palestina ta’ Malta flimkien mal-Ġustizzja għall-Palestina, Moviment Graffiti, the Lebanese Advocates, kif ukoll the Watermelon Warriors u Youth for Palestines.

Rittrati: Moviment Graffiti