Futbol Sport

Benjamin Sesko jiffirma għal ħames snin ma’ Manchester United

Benjamin Sesko
Benjamin Sesko

Sa fl-aħħar it-trasferiment tal-internazzjonali Sloven ta’ 22 sena, Benjamin Sesko minn ma’ RB Leipzig għal ma’ Manchester United ġie konkluż. L-attakkant prometenti, dalgħodu ffirma kuntratt ta’ ħames snin.

Manchester United se jkunu qed iħalsu ċ-ċifra ta’ £73.7 miljun lill-klabb tal-Bundesliga, hekk kif dan it-trasferiment hu meqjus bħala wieħed importanti għat-tim taħt it-tmexxija ta’ Ruben Amorin.

Għar-Red Devils, l-akkwist tal-iskorer prolifiku Sesko hu t-tielet wieħed għal dan is-sajf. Iż-żewġ akkwisti li saru qabel kienu ukoll ta’ plejers li jilgħabu f’rwol offensiv, b’Manchester United diġa’ nefqu £62.5 miljun għall-akkwist ta’ Matheus Cunha u ftit inqas minn £70 miljun oħra għall-firma ta’ Bryan Mbeumo.

L-akkwist ta’ Sesko minn Manchester United ħa fit-tul, hekk kif dawn kellhom jegħlbu l-kompetizzjoni ta’ Newcastle United, b’dawn tal-aħħar kienu interessanti ferm fis-Sloven.

F’kummenti li ta lill-media Brittanika, wara li sar uffiċjalment plejer ta’ Manchester United, Sesko qal li “l-istorja tal-klabb ovvjament hija speċjali ħafna imma dak li verament jeċitani huwa l-futur. Meta ddiskutejt il-proġett ma’ Manchester United, kien ċar li hemm kollox f’postu biex dan it-tim ikompli jikber u jerġa’ jikkompeti għall-akbar unuri f’qasir żmien.”

Sesko żied jgħid li “fil-mument li wasalt, stajt inħoss l-enerġija pożittiva u l-ambjent familjari li l-klabb kapaċi joħloq. Huwa ċar li dan hu l-post perfett biex nilħaq il-livell massimu tiegħi u nissodisfa l-ambizzjonijiet kollha tiegħi. Ninsab ħerqan li nibda nitgħallem minn Ruben Amorin u namalgama ma’ sħabi tat-tim biex nikseb is-suċċess li lkoll nafu li aħna kapaċi niksbu flimkien.”