Futbol Sport

Boubakary Diarra jirritorna Malta u se jiffirma ma’ Sliema Wanderers

Boubakary Diarra
Boubakary Diarra

Boubakary Diarra, il-midfielder difensiv Franċiz li lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar jagħlaq 32 sena, mistenni jitħabbar bħala akkwist ġdid ta’ Sliema Wanderers.

L-eks plejer ta’ Mosta, irritorna Malta din il-ġimgħa, wara li fl-aħħar ġimgħat Sliema Wanderers esprimew interess fil-plejer li fl-aħħar żewġ staġuni kien qed jilgħab fl-ogħla diviżjoni tal-Indoneżja ma’ PSIS Semarang.

Fil-pajjiż Asjatiku, Diarra ħadem mal-kowċ Malti, Gilbert Agius tant li lagħab viċin is-60 partita taħt il-gwida teknika tal-eks captain tat-tim nazzjonali Malti.

Sorsi li tkelmu ma’ Replay qalulna li Diarra wasal Malta din il-ġimgħa, tħarreġ għal ftit drabi mal-iskwadra ta’ Paul Zammit u l-bieraħ, fl-aħħar partita ta’ ħbiberija li lagħbu l-blues qabel jibda l-Malta Premier, il-Franċiz daħal jilgħab lejn l-aħħar tal-logħba fir-rebħa ta’ 4-1 kontra Naxxar Lions.

Sal-lum Diarra lagħab f’Malta ma’ Mosta biss. Hu kien issieħeb magħhom f’Jannar tal-2022 u għamel sena u nofs jilbes il-flokk Mosti fejn b’kollox lagħab 38 darba u skorja darbtejn.

Sliema għadhom iridu jħabbru b’mod uffiċjali l-akkwist ta’ Diarra, iżda sorsi viċin il-klabb u li tkelmu ma’ Replay, ikkonfermaw li hemm ftehim milħuq bejn iż-żewġ naħat u l-plejer għandu jkun disponibbli sa mill-ewwel logħba tal-Malta Premier, hekk kif is-Slimiżi se jkunu qed jibdew l-impenji tagħom fl-istaġun il-ġdid 2025/26 kontra Żabbar St Patrick.