Atletika Sport

FILMAT | Matthew Galea Soler itemm il-ħames fil-finali tal-400 metru tal-Irġiel

Matthew Galea Soler
Matthew Galea Soler

L-atleta żagħżugħ Malti, Matthew Galea Soler reġa’ kellu prestazzjoni tajba, meta ġera l-finali tal-400m metru tal-Irġiel, waqt il-Kampjonati Ewropej tal-Atletika ta’ taħt l-20 sena u kiseb il-ħames l-aħjar ħin. Ir-rebbieħ tal-midalja tad-deheb f’din il-finali kien Conor Kelly tal-Irlanda.

Il-bieraħ, Galea Soler temm fit-tielet post, fit-tieni semi-finali tal-400 metru, meta ġera d-distanza f’ħin ta’ 46.84 sekonda, biex b’hekk l-atleta ta’ 19-il sena kiseb post fil-finali tal-lum flimkien ma’ seba’ atleti oħra Ewropej, li preżentament huma meqjusa l-aqwa fl-Ewropa f’djn il-kategorija.

Mil-ħinijiet reġistrati fiż-żewġ heats tas-semi-finali li saru l-bieraħ, Galea Soler kellu s-sitt l-aħjar ħin overall. Madankollu fil-finali tal-lum Galea Soler, għalkemm kellu ħin inqas tajjeb minn tal-bieraħ, irnexxilu jikseb posizzjoni aħjar u daħal il-ħames wieħed minn fost it-tmien atleti.

Il-wirjiet li ta Galea Soler f’dawn il-Kampjonati Ewropej li saru fil-Finlandja għandhom jimlew lill-atleta nnifsu u lil pajjiżna b’kuraġġ kbir għall-futur. Dan għaliex il-ħinijiet reġistrati fl-400 metru tal-Irġiel, u l-klassifikazzjoni finali, għandhom jitqisu bħala storiċi fl-istorja tal-atletika lokali għaliex kienu fost l-aqwa ta’ kull żmien, iżda mhux hekk biss.

Mingħajr l-iċken dubju, dawn ir-riżultati jawguraw tajjeb għal Galea Soler u l-atletika Maltija għall-futur qarib.