Lokali

“Gwerrier f’kull sens tal-kelma” – tislima lil Andrew Falzon wara snin jiġġieled il-Parkinson’s

Kien wieħed mill-ewwel pazjenti f'Malta li għamel deep brain stimulation

Fl-aħħar sigħat tħabbret il-mewt tal-għalliem Andrew Falzon, li kien qed jiġġieled il-marda tal-Parkinson’s.

Fuq Facebook, ommu Marija iddeskriviet lil binha bħala gwerrier f’kull sens tal-kelma.

Hi kitbet li minkejja li ħarġitlu l-Parkinson’s ta’ età żgħira, l-ispirtu avventuruż qatt ma żammu lura milli jipprova jtejjeb lilu nnifsu u jgħin lil ta’ madwaru. “Kellu l-kuraġġ jgħin lil ħaddieħor, meta hu stess kellu piż kbir xi jġorr”, stqarret Marija Falzon.

Andrew Falzon kellu 46 sena u ta’ 24 sena kien sab li qed ibati mill-marda tal-Parkinson’s.

Fl-2011, hu kien għamel operazzjoni ta’ deep brain stimulation. U kien minn tal-ewwel pazjent li għamel operazzjoni ta’ din ix-xorta f’Malta.