Lokali

Isabelle Bonnici terġa’ titfa’ dawl fuq il-mod li mexa bih il-Gvern

Francine Farrugia, kif kien mistenni, ġiet sospiża mill-MCAST. Iżda persuna akkużat bil-qtil involontarju ta’ Jean Paul Sofia, reġa’ ingħata job mal-Lands.

Kienet Isabelle Bonnici stess li tefgħet dawl fuq dan il-fatt meta fuq Facebook kitbet:

“Hekk imorru l-affarijiet, sospiża sakemm tinqata’ l-kawża. Ħu nota Owen Bonnici” – b’referenza għal Kurt Buhagiar, li huwa akkużat bil-qtil involontarju ta’ binha.

Isabelle Bonnici ilha xhur tappella biex akkużat jiġi sospiż mix-xogħol li huwa relatat mar-reat li seħħ sakemm tingħata sentenza. B’omm Jaen Paul Sofia tgħid direttament lil Owen Bonnici sabiex jieħu nota ta’ dan.

Din ir-reazzjoni ġiet wara li Kurt Buhagiar – wieħed mill-persuni akkużati bil-qtil ta’ Jean Paul Sofia reġa’ iddaħħal jaħdem lura fil-Lands, minkejja li għadu akkużat quddiem il-Qorti kriminali ta’ pajjiżna.

Jean Paul Sofia tilef ħajtu lura fl-2022, meta ġġarrfet binja f’Kordin. B’numru ta’ persuni jiġu akkużati bil-qtil ta’ dan iż-żgħażugħ, quddiem il-Qorti kriminali.

Iżda minkejja dawn l-akkużi, wieħed mill-imputati, Kurt Buhagiar rega’ ddaħħal lura jaħdem fid-Dipartiment tal-Artijiet, bil-barka tal-Prim Ministru Robert Abela. Mossa, li anke rriżultat fiċ-ċaqlieq kożmetiku fil-kabinett ta’ Abela fejn Stefan Zrinzo Azzopardi ttieħditlu r-responsabbiltà tal-LANDS minn taħt idejh għaliex ma riedx li Kurt Buhagiar jerġa’ jiddaħħal jaħdem mad-Dipartiment – li issa ħadu f’idejh Owen Bonnici.

Intant, fl-aħħar jiem, wara li sar magħruf li Francine Farrugia inżammet arrestata b’akkużi ta’ frodi fost l-oħrajn, hija ġiet sospiża mill-MCAST sakemm tinqata’ kawża kriminali. U kien propju għalhekk li Isabelle Bonnici, omm Jean Paul, spjegat illi hekk għandhom imorru l-affarijiet – b’referenza għall-fatt li Kurt Buhagiar messu nżamm sospiż mill-Ministru Owen Bonnici u l-Prim Ministru Robert Abela sakemm tinqata’ l-kawża tal-qtil ta’ binha.