Futbol Sport

Liverpool favoriti biex jirbħu l-ewwel unur tal-istaġun fl-Ingilterra

Il-finali tal-FA Community Shield illha tintlagħab mill-1908.
Il-finali tal-FA Community Shield illha tintlagħab mill-1908.

Għada se jkun qed jintrebaħ l-ewwel unur tal-istaġun fil-futbol Ingliż, meta tintlagħab il-finali tal-FA Community Shield bejn ir-rebbieħa tal-Premier League, Liverpool u r-rebbieħa tal-FA Cup, Crystal Palace.

Il-favoriti għar-rebħ ta’ dan l-unur huma Liverpool. Teżisti stennija kbira biex wieħed jara t-tim il-ġdid ta’ Arne Slot, hekk kif matul dan is-sajf, Liverpool kienu attivi mhux ftit fil-kampanja akkwisti, b’diversi plejers li ssieħbu ma’ The Reds u oħrajn li ħallew lit-tim minn Anfield.

Il-finali ta’ għada se tkun qed tintlagħab f’Wembley Stadium, b’Florian Wirtz, Hugo Ekitike, Jeremie Frimpong u Milos Kerkez huma fost l-akkwisti l-ġodda ta’ Liverpool li kontra Crystal Palace mistennija jkunu inklużi fil-formazzjoni inizjali. L-inklużżjoni ta’ dawn il-plejers diġa’ tagħti dehra bil-wisq differenti lit-tim li staġun ilu rebaħ l-20 Kampjonat fl-istorja tal-klabb.

Bil-kontra, il-kampanja akkwisti tal-Palace kienet limitata, bl-uniċi żewġ plejers ġodda u ta’ profil li għandhom l-abiltá li jagħtu l-valur miżjud lit-tim immexxi mill-kowċ Oliver Glasner, huma l-gowlkiper Walter Benitez u d-difensur li jilgħab fuq il-linja tax-xellug, Borna Sosa.

Sintendi l-previżjoni ta’ bosta hi li l-akbar protagonisti fuq kull naha jistgħu f’din il-finali jistgħu jkunu l-Eġizzjan ta’ Liverpool, Mohamed Salah u Eberechi Eze ta’ Crystal Palace. 

Il-futur ta’ dan tal-aħħar f’Selhurst Park, għadu f’dubju hekk kif Arsenal qed jittamaw li jiksbu l-firma tal-midfielder offensiv ta’ 27 sena qabel tmiem it-tieqa tal-kampanja akkwisti tas-sajf.

Għal Crystal Palace, ir-rebħ tal-FA Cup fl-istaġun li għadda, b’rebħa ta’ 1-0 kontra Manchester City immarkat l-ewwel unur maġġuri tagħhom f’storja ta’ 120 sena mit-twaqqif tal-klabb.

Huma se jkunu qed jilgħabu din il-finali għall-ewwel darba filwaqt li Liverpool, rebħu dan it-trofew għal xejn inqas minn 16-il darba.