Lokali Qorti

Mara tisraq biex issostni l-vizzju tad-droga

Mara bi problema severa ta’ droga reġgħet tressqet il-Qorti b’rabta ma’ serq biex tiffinanzja l-vizzju tagħha.

Din kienet it-tielet darba li Abgail Bugeja ta’ 38 sena, residenti San Ġiljan, tressqet il-Qorti b’rabta ma’ serq.

Il-Ġimgħa wara nofsinhar hi wieġbet mhux ħatja quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi fejn kienet akkużata li fit-3 ta’ Awwissu li għadda għall-ħabta tal-10am serqet minn blokka ta’ appartamenti f’San Ġiljan stess.

Hija ġiet mixlija li serqet numru ta’ ħwejjeġ u oġġetti oħra mill-viċinanzi ta’ fejn toqgħod. U filmati mis-CCTV wasslu għall-arrest tagħha.

L-Avukat Nicholas Mifsud talab lill-Qorti biex din tingħata l-għajnuna kollha possibbli meta tkun fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, liema talba kienet aċċettata. Bil-Qorti tagħmel rakomadazzjoni dwar dan lid-Direttur tal-ħabs.