Il-Malta Photographic Society bħalissa qed torganizza esebizzjoni speċjali ta’ ritratti bit-tema ‘Mil-Lenti għar-Ritratt’.fil-Mużew Wignacourt, fir-Rabat.
Din iċ-ċelebrazzjoni annwali tal-fotografija, li saret avveniment regolari fil-kalendarju ta’ din l-għaqda, tinkludi l-parteċipazzjoni ta’ mhux inqas minn 46 fotografu bbażati f’Malta u f’Għawdex, b’kull fotografu jesebixxi fost l-aqwa xogħlijiet tiegħu.

Net News tkellem mal-President tal-Għaqda Marco Bilocca fejn spjegalna li din l-wirja qed issir bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet globali għal Jum Dinji tal-Fotografija li tiġi ċċelebrata darba kull sena fid-19 ta’ Awwissu.

Ta’ kull sena, fid-19 ta’ Awissu, fotografi u artisti viżwali minn madwar id-dinja jingħaqdu sabiex jiċċelebraw il-Jum Dinji tal-Fotografija. Jum li fih niftakru fil-potenzjal li l-fotografija għandha, sew bħala għodda kif ukoll bħala arti. Filwaqt li l-fotografija ġiet ivvintata bl-għan ewlieni biex mumenti jiġu irrekordjati, illum dan l-għan twessa’ ferm aktar minn sempliċi għodda biex jinżamm rikordju.
Marco Billocca kompla jispejga li l-wirja hija karatterizzata minn varjetà wiesa’ ta’ stili ta’ ritratti kemm bil-kulur kif ukoll iswed u abjad, kompożizzjonijiet minimalistiċi, ‘still-life’, fotografija tat-triq, ritratti espressivi u ukoll astratti. Kull ritratt esibit jirrifletti l-viżjoni unika u l-interpretazzjoni li jkun ta il-fotografu ta’ kif iħares lejn element fid-dinja ta’ madwarna.

Din iċ-ċelebrazzjoni tal-arti fotografika se tibqa’ għaddejja fil-Mużew Wignacourt, fir-Rabat, sal-31 ta’ Awwissu. Il-pubbliku jista’ jżurha mit-Tnejn sal-Ħadd bejn id-9.30am u l-4.30pm. Dħul huwa bla ħlas.



