Sport Waterpolo

Neptunes jagħtu d-daqqa mortali lil Sliema u jeliminawhom min-knock-out ukoll… San Ġiljan fis-semifinali iżda tħabtu kontra Valletta

(Ritratt: Martin Agius)

NEPTUNES BEST GYMS………… 15

SLIEMA FRANK SALT……………. 14

(4-2), (5-6), (2-2), (4-4)

Wara li eliminawhom mill-kampjonat fost il-ġimgħa, Neptunes Best Gyms taw id-daqqa mortali lill-aspirazzjonijiet Slimiżi li jiksbu unur f’dan is-sajf meta reġgħu għelbuhom u din id-darba eliminawhom min-knock-out. Quddiem attendenza ferm anqas minn dik ta’ fost il-ġimgħa, il-logħba kienet missielta xorta waħda iżda f’atmosfera aktar trankwilla sakemm il-logħba żiedet fl-antagoniżmu fl-aħħar sessjoni u nofs.

Għal Sliema din it-telfa fissret tmiem ta’ staġun diżappuntanti speċjalment wara ż-żewġ unuri mirbuħa s-sajf li għadda u r-rebħ tal-Enemed Cup fil-bidu tas-sena. Din kienet il-ħames telfa konsekuttiva li kollha waslu mis-26 ta’ Lulju lil hawn.

Erbgħa minnhom waslu kontra Neptunes f’konfronti kollha missielta u telfa wkoll bi ftit kontra San Ġiljan. Kroll mentali fit-tim Slimiż li ma għarafx juri karattru biżżejjed f’mumenti kruċjali tal-kampjonat.

Għal Neptunes, din ir-rebħa tkompli tgħolli l-moral hekk kif deħlin għal jiem importanti. Huma jibdew favoriti fis-semifinali kontra Exiles Welbee’s u possibbiltà ta’ finali fl-14 ta’ Awwissu kontra San Ġiljan jekk jirbħu kontra Sirens. San Ġiljan huma wkoll l-avversarji tagħhom fil-finali tal-play-off għar-rebħ tal-kampjonat.

Gergo Zalanki u Stevie Camilleri taw vantaġġ doppju lil Neptunes. Elijah Schembri naqqas id-distakk iżda Camilleri u Jake Bajada kabbru d-distakk għal 4-1. Andreas Galea qabbeż fuq Matthew Castillo u naqqas id-distakk sa tmiem l-ewwel sessjoni.

Neptunes żammew il-kontroll tal-logħba fit-tieni sessjoni u għal darba oħra permezz ta’ Zalanki u Camilleri wessgħu l-vantaġġ għal 8-4. Liam Galea skorja għal Sliema u Sam Gialanze sab ix-xibka għal Neptunes biex żamm l-erba’ gowls distakk. F’mument fejn Neptunes dehru fil-kontroll, Sliema urew mumenti ta’ brillantezza u f’ħakka ta’ għajn qatgħu d-differenza għal gowl biss b’gowls ta’ Sam Engerer, Angelos Vlachopoulos u Jayden Cassar.

Dan tal-aħħar irnexxielu jagħmel l-iskor indaqs fil-bidu tat-tielet sessjoni u Jayden Cutajar poġġa lil Sliema fil-vantaġġ għall-ewwel darba fil-logħba. Il-logħba ħadet żvolta u f’dak il-ħin Sliema dehru l-aħjar tim.

Iżda Stevie Camilleri kellu ħsibijiet oħra u ġab id-draw minn penalty, b’Gergo Zalanki jiskorja wieħed mill-gowls tipiċi tiegħu b’konklużjoni b’saħħitha 2 sekondi minn tmiem is-sessjoni. Neptunes bdew l-aħħar sessjoni 11-10 u l-gowl vantaġġ kien importanti biex ħallew lil Sliema jiġru wara r-riżultat.

Zalanki skorja l-ħames gowl personali biex għamel l-iskor 14-12 u Alec Fenech skorja fuq l-ewwel lasta u prattikament aċċerta mir-rebħa. Iżda fil-mument li Neptunes irrilassaw ftit, Sliema naqqsu d-distakk għal 15-14 u ħallew l-aħħar sekondi ftit inċerti. Jayden Cutajar prova bl-aħħar xutt tal-logħba iżda Matthew Castillo kien attent u salva.

Neptunes: M. Castillo, S. Gialanze (3), G. Zalanki (5), L. Mallia, J. Camilleri, J. Valletta, S. Camilleri (4), M. Castillo, B. Schranz, J. Bajada (1), A. Fenech (2), M. Azzopardi, M. Rossi, E. Mallia

Sliema: N. Grixti, E. Schembri (1), L. Galea (3), J. Gambin, J. Cassar (3), B. Cachia, J. Cutajar (3), J. Brownrigg, A. Galea (1), A. Vlachopoulos (2), D. Zammit, B. Busuttil, J. Chircop, S. Engerer (1)

Referees: Fabio Ricciotti, Massimo Angileri

SAN ĠILJAN MAA DAIKIN………. 14

VALLETTA PEAK INSURANCE….. 12

(2-3), (3-4), (4-1), (5-4)

Mingħajr ma wettqu prestazzjoni eċċellenti, San Ġiljan MAA Daikin għamlu dak mistenni minnhom u eliminaw lil Valletta Peak Insurance 14-12. Il-Ġiljaniżi ma kinux fil-forma tas-soltu u kienu neqsin mill-kattiverja sportiva biex ikunu preċiżi quddiem il-lasta. Valletta għamlu l-parti tagħhom u ma firxux it-tapit l-aħmar lill-avversarji iżda finalment il-kwalità fit-tim Ġiljaniż ħarġet rebbieħa.

Fis-semifinali, San Ġiljan jilagħbu kontra Sirens Build Fitness filwaqt li għal Valletta l-istaġun tas-sajf jintemm, staġun pjuttost diżappuntanti li fih ma ġabrux punt fil-Kampjonat Premier. Għalhekk, Valletta għandhom jagħmlu evalwazzjoni ta’ dak li seħħ f’dan is-sajf hekk kif għamlu pass lura mill-aħħar staġuni.

Wara li Jeremy Abela fetaħ l-iskor, Valletta wieġbu bi tliet gowls konsekuttivi minn Matthew Mifsud u doppjetta ta’ Ivan Nagaev. Il-Beltin żammew il-vantaġġ sa tmiem l-ewwel sessjoni u tul it-tieni sessjoni baqgħu fuq quddiem.

Is-sessjoni kienet karatterizzata minn botta u risposta b’San Ġiljan wieġbu fi tliet okkażjonijiet wara l-gowls ta’ Valletta, b’Ivan Nagaev skorja r-raba’ gowl personali u daħħal lil Valletta jistrieħu 7-5 fil-vantaġġ.

San Ġiljan tjiebu u meritatament għamlu l-iskor indaqs lejn nofs it-tielet sessjoni b’gowls ta’ Ben Plumpton u Daniel Tully wara man-up maħdum tajjeb. Matthew Mifsud żamm lil Valletta gowl minn fuq iżda Aaron Younger u Jeremy Abela kellhom ħsibijiet oħra u dawru r-riżultat favur San Ġiljan fl-aħħar minuta tas-sessjoni.

Dawn il-gowls xeqilbu l-miżien favur San Ġiljan u fl-aħħar sessjoni għamlu ċert mill-kwalifikazzjoni bi tliet gowls kmieni, f’perjodu li tkeċċa l-kowċ ta’ Valletta Joe Cremona għal rimarki li għadda. San Ġiljan saħansitra kabbru d-distakk għal 13-8, b’Valletta setgħu biss id-distakk sa tmiem il-logħba.

San Ġiljan: J. Tanti, D. Bugeja, D. Tully (1), R. Caruana (1), A. Younger (5), M. Zammit (1), J. Bonavia, B. Plumpton (1), J. Abela (2), N. Zammit (2), D. Zammit, N. Schiavone (1), Z. Attard, G. Bonavia

Valletta: A. Bugeja, M. Mifsud (3), M. Carani, J. Sciberras (1), S. Busuttil, J. Colombo, M. Zammit, I. Nagaev (5), K. Borg (2), K. Erdogan (1), M. Chircop, K. Cremona, G. Borg

Referees: Peter de Jong, Ronnie Spiteri

Logħob li jmiss

It-Tnejn 11 ta’ Awwissu

S/F KO I Diviżjoni: Marsaskala v Marsaxlokk 6.15pm, Ta’ Xbiex v Birżebbuġa 7.30pm

It-Tlieta 12 ta’ Awwissu

S/F KO Kampjonat Premier: San Ġiljan v Sirens 6.15pm, Neptunes v Exiles 7.30pm