Lokali

Tinfetaħ inkjesta indipendenti b’rabta mal-allegati nuqqasijiet fl-MCAST kif mitlub mill-PN

Wara li l-Partit Nazzjonalista talab biex tinfetaħ Inkjesta Indipendenti b’rabta man-nuqqasijiet fi ħdan il-Kulleġġ tal-MCAST, li waslu għal allegat frodi ta’ ‘il fuq minn 2.3 miljun ewro – bl-issa eks Kunsilliera u eks Manager fi ħdan l-MCAST, Francine Farrugia titressaq il-Qorti – il-Ministru Clifton Grima iddeċieda li jieħu azzjoni tlett ijiem wara.

Dan hekk kif is-Sibt waranofsinhar tħabbar li se tkun qed jitwaqqaf Bord ta’ Inkjesta Indipendenti taħt l-Att dwar l-Inkjesti dwar l-istess każ ta’ miżappropjazzjoni ta’ fondi pubbliku mill-MCAST.

Wara is-silenzju inizjali, u l-unika reazzjoni li kellu l-Ministru għall-Edukazzjoni kien id-diżappunt – bosta kienu dawk li staqsew kif tali aġir kien permess isir għal dawn is-snin mingħajr ħadd ma nduna fi ħdan l-istess kulleġġ.

Il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li minnufih kkundanna dak kollu li kien qiegħed jinstema’ fix-xhieda fil-Qorti, insista dwar il-bżonn ta’ inkjesta indipendenti. Partikolarment wara li għal darb’oħra kien imfakkar x’kien qal fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lura fl-2019 l-Awditur Ġenerali – ċioè li kien hemm nuqqasijiet kbar fost oħrajn fis-sistema tal-payroll.

Dan filwaqt li tul il-jum tas-Sibt il-ġurnal Times of Malta rrapporta li ilu ma jsir awditjar estern fi ħdan l-MCAST sa mill-2023.

Għaldaqstant wara din il-pressjoni, tlett ijiem wara l-Ministeru għall-Edukazzjoni ddeċieda li jisma’ mill-Partit Nazzjonalista u jiċċaqlaq – bl-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi jinħatar bħala Chairman tal-Bord tal-Inkjesta flimkien ma’ żewġ membri oħrajn.

Intqal kif l-inkjesta għandha tistabbilixxi l-fatti, il-proċessi, il-proċeduri u s-sistemi tal-MCAST relatati mal-payroll u tidentifika r-responsabbiltajiet amministrattivi, ċivili u kriminali fejn ikun applikabbi. Fi kliem sempliċi min se jkun se jerfa’ responsabbiltà ta’ dan in-nuqqas.

Se tkun qed tivverifika wkoll kienx hemm relazzjoni bejn id-deċiżjonijiet jew l-azzjonijiet meħuda minn uffiċjali tal-MCAST u l-każ ta’ miżappropjazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

L-inkjesta se tkun qed teżamina wkoll is-sistemi kurrenti tal-MCAST u jekk jipprovdux sistemi awtomatiċi biex jidentifikaw attività suspettuża jew ta’ governanza tajba.

U finalment se tkun qed tressaq ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa.

Diversi kienu dawk li esprimew it-tħassib tagħhom għal fatt li tul dawn ix-xhur u snin ħadd ma nduna b’din l-allegata miżapproprjazzjoni ta’ flus u għaldaqstant din l-inkjesta mistennija tixħet aktar dawl fuq dan kollu – kif effettivament mitlub mill-Partit Nazzjonalista stess.