“Avukat Ġenerali…irriżenja…f’gieħ l-interess nazzjonali”
Kien dan l-appell tal-eks MEP u eks Ministru Laburista John Attard Montalto f’artiklu ppubblikat fil-gazzetta ‘The Sunday Times of Malta’, fejn l-eks Deputat Laburista saħaq li l-Avukat Ġenerali hija inkompetenti u għandha tirreżenja b’mod immedjat sabiex tiġi żgurata ġustizzja ta’ veru, bi prosekuzzjoni f’pajjiżna li ma tħares lejn wiċċ ħadd.
Issemma’ kif fl-akbar frodi fl-istorja politika Maltija, ċioe il-ħadma tal-Vitals, hemm bosta inkonsistenzi fil-mod kif ġew imressqa ċerta provi u kif ġew imressqa l-akkużati. Bl-aktar biċċa inkwetanti tal-istorja tkun li dawn l-istess inkonsistenzi seħħew propju fil-każ li fih qed jidrhu eks Prim Ministru, eks Chief of Staff u eks Ministru fost l-oħrajn.
Kien għalhekk li John Attard Montalto appella għal standards ferm aħjar anke fuq il-kwalità tal-provi miġjuba, bl-eks MEP Laburista jisħaq li d-deċiżjonijiet li qed jittieħdu biex jiġu ssalvagwardjati ċerta persuni kapaċi jwasslu għal riperkussjonijiet kbar. Fost dawk imsemmija kien hemm fost l-oħrajn il-fattur tar-reputazzjoni ta’ pajjiżna u anke fakkar fl-eventwalità ta’ kawżi kontra l-istat Malti fil-Qorti Ewropea.
Apparti min hekk John Attard Montalto saħaq li hemm ukoll bosta każijiet ta’ skandli li għadhom qed jintefgħu taħt it-tapit – fosthom il-każ tal-Windfarms tal-Montenegro, il-Kumpanijja 17-Black u l-kick-backs mill-Power Station, il-Panama Papers u anke l-qtil infami ta’ Daphne Caruana Galizia. Każijiet li surrealment, l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali baqa’ u qed jibqa’ jinjora u li fi kliem Attard Montaldo stess qed ikomplu jitħallew jiġu minsija mill-awtoritajiet Maltin.
Finalment John Attard Montalto appella lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex ikeċċi lil Victoria Buttigieg b’mod immedjat – ħalli il-prosekuzzjoni ta’ pajjiżna terġa’ tkun kompetenti, u biex tiġi żgurata ġustizzja ta’ veru; xi ħaġa li skont l-eks MEP Laburista ma tistax issir b’Victoria Buttigieg fil-kariga ta’ Avukat Ġenerali.
//= $special ?>