Lokali

“Il-liġi tal-ippjanar hi waħda assurda” – Andre Callus

Fl-aħħar jiem, ħareġ biċ-ċar li l-liġi tal-ippjanar li preżenta l-Gvern ta’ Robert Abela mhijiex se tkun irtirata.

Fuq Net Television, l-attivist tal-Moviment Graffitti, Andre Callus, esprima l-frustrazzjoni tiegħu dwar din il-konroversja li l-Gvern qed ikompli iwebbes rasu fuqha.

Il-Moviment Grafitti, matul dawn l-aħħar sentejn kien ilu jitlob lill-Gvern biex jagħmel ir-riforma tal-appelli. Andre Callus, spjega li s-sitwazzjoni ta’ bħalissa hi li x-xogħlijiet jibqgħu għaddejjin waqt li jkun hemm appell – u allura jekk anke tirbaħ il-każ fil-Qorti ġieli ssib binja mibnija u lesta, u tkun irbaħtu għalxejn.

Andre Callus iddeskriva din il-liġi bħala “ħażina, u agħar minn dak li wieħed qatt seta’ jimmaġina.”

Fl-intervista ma’ Roberta Bonello, hu spjega kif matul is-snin, flimkien mar-residenti u bdiewa, il-Moviment Grafitti ġġieled kontra proġetti llegali.

U hawnhekk spjega kif min għamel dawn l-abbozzi … “marru fil-liġijiet u għawwġuhom, jew neħħewhom b’mod li jaqtgħu saqajn in-nies milli qatt jieħdu azzjoni kontra xi sfreġju li jista’ jsir.”

Andre Callus stqarr, kif issa bil-liġi l-ġdida, iċ-ċittadini kollha mhux se jkunu jistgħu jipprotesta kontra abbużi, għaliex l-Awtorita tal-Ippjanar, tiddeċiedi kif trid hi, fejn trid hi u ma tista’ tgħidilha xejn.

Hu jappella lill-Prim Ministru sabiex jieħu azzjoni minnufih u jikkunsidra diversi fatturi; fosthom anke it-tħassib tal-poplu Malti u Għawdxi hekk kif qed jittieħdu ħafna deċiżjonijiet mingħajr ebda kunsiderazzjoni ta’ xejn.