Internazzjonali

Kontroversja dwar blata mill-pjaneta Mars li nbiegħet għal erba’ miljun dollaru

Blata rari li  kienet tofforma parti minn meteorita mill-Pjaneta Mars spiċċat fl-eqqel ta’ kontroversja wara li nbiegħet għall-miljuni tad-dollari waqt irkant fi New York, fl-Istati Uniti.

Il-persuna li xtrat il-blata xtaqet li tibqa’ anonima, iżda diversi persuni – fosthom numru ta’ paleontoloġisti – qed jgħidu li l-blata messha baqgħet fin-Niġer ….il-pajjiż Afrikan fejn instabet oriġinarjament.

Din il-blata li tqaċċtet minn Mars ilha teżisti għall-miljuni tas-snin u meta hi wkoll l-akbar blata mill-Pjaneta l-Ħamra li qatt instabet fid-dinja.

Il-bejgħ partikulari kien konkluż mill-irkantaturi ta’ Sotheby’s u mifhum li l-prezz finali kien viċin l-erba’ miljun ewro. L-identità tal-bejjiegħ, l-istess bħal tax-xerrej, inżammet anonima u meta mhux ċar jekk xi ammont tal-flus involuti kienux trasferiti lejn in-Niġer.

Il-partijiet tal-materjal extraterrestrijali li spiċċaw fid-dinja tagħna huma ta’ interess kbir mill-aspett ta’ studju xjentifiku – b’numru ta’ komunitajiet iqishom ukoll bħala oġġetti reliġjużi.

Il-kummerċ bil-meteoriti anki qed ikun imqabbel mas-suq tal-arti,  bl-estetika u r-rarità tal-oġġett jaffettwa bil-kbir il-prezzijiet involuti.