Internazzjonali

Netanyahu jiddefendi l-ispinta fil-kampanja militari f’Gaza

Il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu,qed jinsisti li l-pjan biex is-suldati tiegħu jaħtfu kontroll sħiħ fil-Belt ta’ Gaza hu l-aħjar mod kif pajjiżu jtemm il-gwerra li ilha għal kważi sentejn waqt li jaċċerta mit-telfa finali u konklussiva tal-Ħamas.

Skont Netanyahu, l-istrateġija għall-eskalazzjoni tal-gwerra mal-Ħamas għandha, fuq kollox, twassal għall-ħelsien tal-ostaġġi Iżraeljani li ilhom kważi sentejn miżmuma mit-terroristi…Ostaġġi li x’aktarx jinsabu f’xifer il-mewt wara daqstant xhur ta’ priġunerija qalb il-labirint tal-mini taħt l-art ta’ Gaza.

Ir-Renju Unit, Franza u pajjiżi Ewropej oħrajn, sadanittant, wissew li l-pjan speċifiku ta’ Iżrael għandu, fost oħrajn, jabbuża l-liġi umanitarja internazzjonali. Dan il-ħsieb ken espress sigħat ilu waqt laqgħa ta’ emerġenza dwar Gaza organizzata min-Nazzjonijiet Uniti.

Il-pjan ta’ Iżrael għal Gaza, fl-istess ħin, qed jiffaċċja kritika qawwija mill-familji tal-ostaġġi – u meta l-kritika lanqas ma naqset min-naħa tar-Renju Unit, iċ-Ċina u l-Ġermanja.

Madankollu, Iżrael jinsab urtat għal dan il-kor ta’ kundanna, bil-Ministru tad-Difiża, Israel Katz, isostni li l-kritika fuq livell internazzjonali mgħandhiex tnaqqas mid-determinazzjoni ta’ pajjiżu biex jilħaq it-tragwardi stabbiliti.

Intant, eluf ta’ dimostranti, bħalissa, qed joħorġu fit-toroq ta’ Iżrael biex jipprotestaw kontra l-kampanja militari estiża’ fl-artijiet ta’ Gaza.

Dan wara li l-Kabinett tas-Sigurtà ta’ Netanyahu, fl-aħħar tal-ġimgħa, approva ħames prinċipji li għandhom itemmu l-gwerra mal-Ħamas.

Min-naħa tagħhom, il-qraba tal-50 ostaġġi li għadhom qed jinżammu f’Gaza jemmnu li l-kampanja militari qed iżżid il-periklu għall-ħajja tal-għeżież tagħhom. Huma qed ikomplu jħeġġu biex il-Gvern Iżraeljan jaċċerta l-ħelsien tagħhom qabel iżid l-azzjonijiet kontra l-Ħamas.

Sadanittant, grupp ta’ madwar 400 suldat Iżraeljan li taw servizz waqt il-konflitt tal-aħħar xhur f’Gaza qed jirrifjutaw li jinvolvu ruħhom aktar f’sitwazzjoni li huma fissru bħala l-gwerra politika ta’ Benjamin Netanyahu. Dawn is-suldati huma wkoll kontra l-konflitt li, fi kliemhom, mhux biss qed jipperikola lill-ostaġġi iżda anki qed ikabbar il-kriżi tal-ġuħ għall-familji Palestinjani f’Gaza.

Fl-aħħar sigħat, il-qraba tal-ostaġġi u s-suldati Iżraeljani organizzaw protesta viċin il-kwartieri-ġenerali tal-Armata Iżraeljana f’Tel Aviv fejn sejħu biex aktar suldati jirrifjutaw li jieħdu sehem fil-kampanja militari estiża fl-artijiet ta’ Gaza.

Uħud sejħu wkoll għal strajk ġenerali f’Iżrael waqt li Yair Lapid, bħala l-Kap tal-Oppożizzjoni Iżraeljana, sostna li azzjoni bħal din għandha titqies bħala ‘reazzjoni xierqa u ġustifikata fiċ-ċirkustanzi.

Fl-istess ħin, il-Ġeneral Eyal Zamir, bħala l-Kap tal-Istaff tal-Armata Iżraeljana, ukoll qed jopponi l-istrateġija ta’ Netanyahu….Dan waqt li Zamir, skont il-media Iżraeljana, sostna li l-okkupazzjoni totali ta’ Gaza għandha ddaħħal lit-truppi f’nassa’ minbarra li tammonta għal sentenza tal-mewt fir-rigward tal-ostaġġi.