Lokali

Sewwieq ta’ 17-il sena mingħajr liċenzja jinżamm arrestat wara li nqatel sewwieq tal-Wolt

Laqtu l-mutur, baqgħu deħlin fi tliet karozzi, u wara ħarbu miz-zona tal-inċident. Bis-sewwieq tal-mutur imut mad-daqqa.

Din hija x-xena li sabu ma wiċċhom l-investigaturi kmieni il-Ħadd filgħodu meta issejħu fi Psaila Street.

Bis-sewwieq tal-Maserati u ż-żewġ persuni li kellu miegħu żgiċċaw mill-post u spiċċaw imfittxija mill-Pulizija.

Irriżulta  li x-xufier kien taħt l-età u għandu 17-il sena. Hu kien flimkien ma’ żewġ passiġġiera ta’ 18-il sena li  ħarbu minn fuq il-post u kienu arrestati ftit tas-siegħat wara.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-ħamsa u għoxrin ta’ filgħodu, meta l-Pulizija ġew infurmati b’inċident tat-traffiku fi Triq Salvu Psaila, f’Birkirkara.

Il-mutur tat-tip Kymco kien misjuq minn raġel ta’ 42 sena minn Nepal, residenti Birkirkara stess, u li jaħdem mal-Wolt.

Il-Maserati…apparti li ħabtet fil-mutur…. ħabtet ukoll ma’ tliet vetturi li kienu pparkjati.

Il-Pulizija kkonfermaw li x-xufier u żewġ passiġġieri tal-karozza ħarbu. Dan filwaqt li x-xufier tal-mutur ġie ċċertifikat mejjet fil-post. U ttieħed bil-hearse tal-Pulizija.

Intant, waħda mill-passiġġieri li kienu fil-Maserati, tfajla ta’ 18-il sena residenti l-Mosta, instabet ftit minuti wara fil-viċinanzi – u ġiet arrestata. Minħabba xi ġrieħi li sofriet, hi ttieħdet b’ambulanza l-Isptar Mater Dei għal kura.

Bis-sewwieq u l-passiġġier l-ieħor kienu arrestati  siegħat wara l-arrest tal-istess tfajla.

L-investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom għaddejjin , filwaqt li l-Maġistrat Philip Galea Farrugia ġie infurmat u ħatar numru ta’ esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta.