Din is-sena, l-Imqabba se jerġa’ joffri wieħed mill-aktar spettakli piroteknici mistennija fil-kalendarju tal-festi Maltin – Fireworks Spectacular, li se jinkludi t-Torri tad-Dawl, torri li din is-sena se jkun l-ogħla wieħed s’issa: 62 metru għoli.
It-Torri tad-Dawl se jkun iċ-ċentru ta’ dan l-ispettaklu, ikkumplimentat minn diversi effetti oħra madwaru, fosthom funtana tan-nar, disinji, blalen ftuh tal-kulur, blalen kbar u diversi effetti innovattivi kemm mit-torri nnifsu kif ukoll minn fuq l-art. Dawn l-effetti se jkunu sinkronizzati ma’ sitt siltiet mużikali, li jvarjaw minn muzika klassika, soundtracks ta’ films u rock. L-ispettaklu se jinkludi 10,000 shot.
L-ispettaklu huwa maqsum f’erba’ segmenti ewlenin; Wirja tan-nar sinkronizzata mal-mużika – spettaklu mimli ritmu, Nar tal-ajru tradizzjonali Malti murtali bil-beraq u kulur – ċelebrazzjoni tal-wirt kulturali intanġibbli u artistiku Malti, wirja oħra sinkronizzata mal-mużika, li se tinkludi Grand Final spettakolari u kif ukoll wirja ta’ nar minn fuq l-art mekkanizzat – forma ta’ arti unika Maltija li se tagħlaq dan l-avveniment straordinarju.
Il-viżitaturi huma mħeġġa jaslu l-Imqabba kmieni biex igawdu l-esperjenza kulturali sħiħa li joffri r-rahal tal-Imqabba. Mixja fiċ-ċentru tal-villaġġ turi l-qalba tal-atmosfera tal-festa, fejn wieħed jista’ jammira l-knisja parrokkjali sabiħa ddedikata lill-Assunta, u jgawdi d-dekorazzjonijiet artistiċi fit-toroq li jittrasformaw il-villaġġ f’galerija ħajja tal-kultura tal-festi Maltin.
Wieħed jista’ jasal l-Imqabba mill-mina ta’ Ħal Kirkop, u rotot alternattivi li jinkludu Triq Ħal Farruġ jew is-Siġġiewi.