Sewwieq tal-Wolt, min-Nepal, li għandu 42 sena u li kien jgħix f’Birkirkara, inqatel wara li karozza Maserati Levante misjuqa minn ġuvni ta’ 17-il sena, baqgħet dieħla f’numru ta’ vetturi fosthom fil-mutur tiegħu tat-tip Kymco.
Wara l-ħabta mal-mutur, il-karozza ħabtet ukoll ma’ tliet vetturi pparkjati. Ix-xufier ta’ 17-il sena u żewġ passiġġiera ta’ 18-il sena ħarbu minn fuq il-post u kienu arrestati ftit tas-siegħat wara.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħamsa u għoxrin tal-Ħadd filgħodu, fi Triq Salvu Psaila, Birkirkara.
Fuq il-post wasal tim mediku sabiex jassisti lis-sewwieq tal-mutur. Sfortunatament, huwa ġie
ċċertifikat mejjet.
Waħda mill-passiġġiera tal-karozza, tfajla ta’ 18-il sena residenti l-Mosta, instabet ftit minuti
wara fil-viċinanzi u ġiet arrestata. Minħabba xi ġrieħi, hija ttieħdet b’ambulanza l-Isptar Mater
Dei għal kura; il-kundizzjoni tagħha għadha mhix magħrufa.
Intant is-sewwieq u l-passiġier l-ieħor ġew arrestati ftit wara li ħarbu minn fuq il-post.
L-investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom għaddejjin. Il-Maġistrat Philip Galea Farrugia ġie infurmat u ħatar numru ta’ esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta.
