Ir-rebbieħa tal-FA Cup u tal-FA Community Shield Crystal Palace tilfu l-appell kontra li jinżlu mill-UEFA Europa League u se jkunu qed jilagħbu fil-UEFA Conference League dan l-istaġun.
Id-deċiżjoni mill-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport (CAS) tfisser ukoll li Nottingham Forest jieħdu post Crystal Palace fil-UEFA Europa League, minkejja li temmew fis-seba’ post tal-klassifika l-istaġun li għadda.

Din l-aħbar tasal biss 24 siegħa wara Palace għelbu lil Liverpool fil-FA Community Shield permezz tal-għoti tal-penalties.
L-Eagles ikkwalifikaw għall-Europa League meta għelbu lil Manchester City fil-finali tal-FA Cup lura f’Mejju li għadda, madankollu huma ġew penalizzati minħabba dawk li huma magħrufa bħala Multi-Club Ownership Rules tal-UEFA.
Crystal Palace, li temmew fit-12-il post l-istaġun li għadda, ma kellhom l-ebda ħsieb li se jikkwalifikaw għall-Ewropa dan l-istaġun, u b’hekk huma fallew milli juru lill-UEFA provi ta’ rikostruzzjoni fit-tmexxija, bl-aħħar ġurnata li kienu eliġibli li jagħmlu dan ikun l-1 ta’ Marzu, iktar minn xahrejn qabel ma rebħu l-FA Cup.

Dan kollu qiegħed iseħħ minħabba investitur Amerikan bl-isem ta’ John Textor. Textor kellu 43% mill-ishma ta’ Crystal Palace f’Marzu li għadda, u f’dak iż-żmien huwa kellu l-maġġoranza tal-ishma ta’ Lyon, klabb li dan l-istaġun ukoll se jkun qiegħed jilagħab fil-UEFA Europa League hekk kif temm fis-6 post f’Ligue 1. Ir-regoli tal-UEFA ma jippermetux li żewġ klabbs li jkollhom investitur komuni b’maġġoranza tal-ishma f’ismu jikkompetu fl-istess kompetizzjoni tal-istess UEFA.
John Textor eventwalment biegħ is-sehem tiegħu f’Ġunju li għadda , pero dan kien tard wisq, hekk kif Palace u Textor kellhom jinfirdu qabel l-1 ta’ Marzu 2025 biex ikunu eliġibli li jilagħbu fl-istess kompetizzjoni ma’ Lyon.

F’Lulju li għadda, wara l-bejgħ tal-ishma ta’ Textor, Palace ssottomettew appell quddiem il-Qorti tal-Arbitraġġ tal-Isport (CAS) tal-UEFA, b’dan ikun irrifjutat illum.
Fid-deċiżjoni tagħhom, il-CAS emfassizaw li r-regoli huma ċari, u mhux flessibli għal ħadd, b’Palace ma jkunux kapaċi jissottomettu d-dokumenti meħtieġa sad-data fissa tal-1 ta’ Marzu 2025. Huma komplew jgħidu li Textor kellhu sehem sostanzjali fiż-żewġ klabbs (Lyon u Crystal Palace) sal-1 ta’ Marzu.
Crystal Palace se jaffrontaw lil wieħed minn Fredikstad min-Norveġja jew lil Midtjyalland mid-Danimarka fil-Play-Off round tal-Conference League iżjed tard dan ix-xahar.
